Rapporti li bdew iduru u jgħidu li tfajla li waslet f’Palermu wara li kienet f’pajjiżna spiċċat tiġi rikoverata mill-Coronavirus fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, ġew imxejna għal kollox u esposti bħala fake news minn senatur Taljan Lello Ciampolillo.
Dan hekk kif stqarr li meta indaga hu fuq dawn ir-rapporti sab li bħalissa m’hemm ħadd f’Palermu fi Sqallija li qiegħed jiġi rikoverat mill-Coronavirus fit-taqsima tal-kura intensiva.
Huwa spjega kif kompla jinvestiga u sab li għalkemm għal xi raġuni bosta ġurnali Taljani qed jipprovaw jagħtu l-impressjoni li f’Malta hawn xi sitwazzjoni disastruża fejn in-nies qed jaqgħu u jmutu fit-triq minħabba l-Coronavirus, fil-verità, pajjiżna qed jikkontrolla sew l-imxija.
L-AGI irrapportat kif il-Ministru tal-Affarijiet Reġjonali Taljan, Vincenzo Boccia, mal-Corriere della Sera stqarr li 70% tal-każijiet huma ta’ trasmissjoni lokali. Għalhekk mhux minnu li l-maġġoranza tal-każijiet fl-Italja ġew impurtati minn pajjiżi tal-madwar, fosthom pajjiżna.