Senatur bi profil għoli fil-Kungress Amerikan sostna li t-tkabbir ekonomiku li qiegħda tesperjenza Malta taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Joseph Muscat huwa eċċezzjonali. Fl-istess waqt saħaq dwar it-tneħħija tal-burokrazija biex ikompli jikber il-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi.
Matul il-jum tat-Tnejn is-Senatur Amerikan Rand Paul kellu laqgħat mal-ogħla awtoritajiet Maltin fosthom mal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat.
Is-Senatur Amerikan bi profil għoli mhux biss fil-Kungress Amerikan, tant li anki kien fl-elezzjonijiet primarji għal President tal-Istati Uniti kellu kliem ta’ tifħir għal Prim Ministru Malti.
Hekk kif kien se jħalli pajjiżna tkellem magħna dwar it-taħditiet pożittivi li kellu mal-Gvern Malti.
Matul l-intervista’ s-Senatur Amerikan tkellem ukoll dwar il-bżonn li l-burokrazija tiġi eliminata ħalli jikber iżjed il-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi.
Is-Senatur Amerikan irrimarka wkoll fuq il-klima ekonomika pożittiva li għandu pajjiżna u kif l-Istati Uniti qed tipprova tirpilja wkoll taħt it-tmexxija tal-President Donald Trump.
Intant is-Senatur Amerikan għandu rabta speċjali ma’ Malta għaliex id-Direttur tal-Komunikazzjoni tiegħu għex tfulitu f’pajjiżna, propju f’Bormla.
Sergio Gor li jitkellem Malti perfett qalilna wkoll dwar kif is-Senatur Amerikan kien impressjonat bil-Prim Ministru Malti li jgawdi rispett kbir minn bosta mexxejja dinjija.