Żagħżugħ li kisser il-windscreen tal-karozza ta’ sieħbu f’att ta’ tpattija, u anki seraq xi affarijiet li kellu ġo fiha, ingħata sentenza ta’ tmintax-il xahar priġunerija.
Il-każ seħħ fit-tletin ta’ Lulju fit-tlieta ta’ filgħodu f’San Pawl il-Baħar.
L-imputat – Hasam Samuel Ezzeldin – Malti ta’ erbgħa u għoxrin sena minn San Pawl il-Baħar, ammetta li kisser il-windscreen tal-karozza tat-tip BMW, u li seraq tablet u fwieħa b’valur ta’ mija u ħamsin ewro, biex ipattiha lil sieħbu.
Huwa ġie akkużat li wettaq ħsara volontarja fuq proprjetà ta’ ħaddieħor, b’serq aggravat, u anki li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu ngħatawlu f’każ ieħor waqt li kien fuq probation ta’ tliet snin.
L-akkużat ammetta meta ġie arrestat, u kkonferma l-ammissjoni tiegħu fil-Qorti wara li anki ngħata ħin biex jaħsibha.