Kien propju sena ilu, l-għoxrin ta’ Jannar tal-elfejn u sbatax, meta mat-tokki ta’ nofsinhar ħin Amerikan, in-negozjant u ċelebrita Donald Trump inħatar bħala l-ħamsa u erbgħin President tal-Istati Uniti.
Dan wara kampanija missielta bejnu u Hilary Clinton, bl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika dejjem poġġew lill-mara tal-eks President Amerikan Bill Clinton fuq quddiem.
Iżda kontra dak mistenni, kien Trump li kiseb l-ikbar ammont ta’ siġġijiet, minkejja li ġab persentaġġ inqas ta’ voti.
Sena b’diversi kontroversji, fosthom l-investigazzjoni mill-FBI dwar involviment tar-Russja fil-kampanja presidenzjali, l-isforzi li saru biex titneħħa Obamacare u ċ-ċaqliq tal-ambaxxata Amerikana fl-Iżrael.
Is-sitwazzjoni fil-White House ukoll hija waħda kaotika, bi Trump ibiddel kontinwament lin-nies tiegħu stess u saħansitra l-politika. Xi ħaġa li tirriżulta f’sitwazzjoni ta’ instabbiltà.
F’għeluq is-sena ta’ Trump bħala President, il-gvern Amerikan jinsab f’sitwazzjoni ta’ shutdown, wara li ma kienx hemm qbil bejn is-Senat u l-Kamra tar-Rappreżentanti fuq il-baġit.
Speċifikament għax id-Demokratiċi riedu li jkunu protetti s-seba’ mitt elf immigrant fl-Istati Uniti li mhumiex dokumentati.
Ix-shutdown iwassal biex ċertu dipartimenti jagħqlu, filwaqt li s-servizzi essenzjali jibqgħu għaddejjin.