L-eżamijiet forensiċi ta’ impronti tas-swaba u tqabbil tad-DNA li jsiru mill-Laboratorju Forensiku tal-Pulizija ingħataw ċertifikat ta’ eċċellenza u mejqusa bħala konformi mal-ogħla kriterji meħtieġa. Sinjal ta’ fiduċja fil-kapaċitajiet tal-Pulizija tal-Forensika fuq il-preżentazzjoni ta’ evidenza kompetenti fil-Qrati għal iżjed twettiq ta’ ġustizzja ma’ vittmi ta’ reati kriminali.
Dan intqal mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Carmelo Abela fejn ħabbar li l-proċessi tekniċi utilizzati mil-Laboratorju f’dawn l-oqsma, għat-tielet sena konsekuttiva, żammew l-ogħla standards mitluba fuq livell internazzjonali u ingħataw akkreditazzjoni mill- Bord Nazzjonali tal-Akkreditazzjoni. Dan wara li awdituri kemm lokali u Ewropej spezzjonaw l-proċessi ta’ management, auditing u l-kapaċitajiet tal-pulizija tal-Forensika.
Il-Ministru Abela spjega li waqt investigazzjonijiet kriminali, l-elevazzjoni ta’ traċċi ta’ evidenza minn fuq xeni ta’ kriminalita’ waħedha mhux biżżejjed. Biex dawn jiġu utilizzati mill-prosekuturi u jkollhom relevanza quddiem l-awtoritajiet tal-Qorti, iridu jgħaddu minn proċess analitiku, u jiġu ippreservati fl-aħjar livelli possibli.
Il-Ministru Abela kkwota mir-rapport annwali tan-National Accrediation Board li kellhom kliem ta’ tifħir u qalu li; “L-kompetenza tal-laboratorju hija miżmuma tajjeb u l-kumpilazzjoni tad-dokumenti tal-laboratorju huma konformi mar-rekwiżiti. Il-personnel instabu li huma kompetenti għal-eżekuzzjoni propja tal-analiżi. Il-programmi interni tal-assigurazzjoni tal-kwalita’ inżammu u l-personnel il-ġodda li ssieħbu mal-laboratorju kienu mħarrġa b’suċċess”.
Żied jgħid li matul is-sena 2017 huwa prevvist li jibda l-proċess tal-akkreditazzjoni f’oqsma oħra bħal-eżamijiet ta’ dokumenti foloz, analiżi ta’ CCTV rekords u chemical enhancement.
L-Onorevoli Abela semma’ li sabiex dan iċ-ċertifikat inżamm kien jirrikjedi investiment fit-tagħmir u fil-ħiliet tal-persuni. B’investiment ta’ €160,000 f’taħriġ u apparat beda l-proċess ta’ immodernizzar. Fosthom inxtraw fingerprint comparator li jgħin fit-tqabbil tal-impronti tas-swaba li jinġabru minn fuq ix-xena mad-database tal-Pulizija u lentijiet apposta. Inxtraw ukoll drone biex jiġbed ritratti mill-ajru ta’ xeni fejn l-evidenza tkun imxerrda fuq diversi postijiet, dwal apposta għal fuq xeni ta’ reat flimkien ma’ cameras/videocameras tal-aħħar teknoloġija.
Il-Ministru Abela għamel enfasi fuq iż-żieda fl-opportunitajiet ta’ taħriġ fejn fl-aħħar sena madwar 40 pulizija tal-Forensika, ġew imħarrġa f’istituzzjonijiet akkademiċi rinomati. Inkludew aktar minn 20 kors f’oqsma bħal eżamijiet ta’ ffalsifikar ta’ dokumenti, mobile forensics u żvillupar ta’ impronti permess tal-kimika forensika fl-Ingilterra, Italja, Spanja u l-Belġjum. Għall-ewwel darba l-Korp għandu uffiċjal tal-forensika b’ċertifikazzjoni fil-fingerprint comparison ta’ livell avvanzat l-Ingilterra.
Il-Ministru Abela għamel referenza għax-xogħol vast li jsir mit-taqsima tal-Forensika li fl-2016 investigat aktar minn 1600 każ u 950 seduta l-qorti. Irringrazzja lit-52 Pulizija ta’ din it-taqsima immexxija mill-Ispetturi Ryan Caruana u Charlo Casha. Ħeġġiġhom sabiex ikomplu jassiguraw li permezz tal-ħidma tagħhom l-awtoritajiet tal-Qorti jkunu dejjem aktar kunfidenti fuq l-istandards tal-kwalita’ tal-evidenza forensika ippreżentata għal iżjed titjib fil-ġustizzja.