Malta u Għawdex huma rikki f’wirt li ħallew missirijietna u minn dawk kollha li matul iż-żminijiet rifsu fuq dawn il-gżejjer. Wirt storiku li tista’ tarah u tmissu b’idejk litteralment ma’ kull kantuniera ta’ kull belt u raħal.
Sa mill-bidu li kien fdat bit-tmexxija ta’ dan il-Ministeru, il-Ministru Owen Bonnici fehem l-importanza li dan il-wirt storiku għandu jkun imħares biex jitgawda mhux biss mill-poplu Malti u dawk li jżuruna, imma fuq kollox jitħalla bħala legat għal uliedna. U kien għalhekk li l-Ministru Bonnici ħa interess personali biex jara li jsir restawr fuq dawk is-siti kollha li kellhom bżonn.
Jekk tħares lejn il-baġit għas-sena d-dieħla tara li hemm allokati €5.3 miljun f’fondi diretti għall-17-il proġett ta’ restawr immexxi mid-Direttorat tar-restawr; €870,000 f’restawr fuq 8 siti mmexxi minn Heritage Malta u hemm ukoll 25 sit storiku taħt restawr fl-2018.
Ir-restawr ma bediex issa. Hemm siti madwar il-pajjiż kollu li tlesta x-xogħol ta’ restawr fuqhom, li sar mill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru. Hemm oħrajn li x-xogħol fuqhom beda u oħrajn għadhom se jibdew.
Il-proġetti jvarjaw immens. Minn swar, san-niċeċ li nsibu jżejnu l-ibliet u l-irħula Maltin. Ix-xogħol għaddej ġmielu u r-ritratti t’hawn taħt m’huma xejn ħlief prova ta’ dan.