Il-Prim Ministru Robert Abela sostna l-impenn tal-Gvern biex jibqa’ jimmodernizza u jsaħħaħ lil dan il-pajjiż permezz tad-deċiżjonijiet li jieħu ta’ kuljum.
Dan waqt attività politika l-Ħadd fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun fejn fakkar dak li diġà sar iżda kompla jikkomunika l-viżjoni li għandu l-Gvern immexxi minnu għall-bqija ta’ din il-leġiżlatura.
Dr Abela, fil-fatt, ta’ eżempji konkreti ta’ kif Gvern Laburista qiegħed jattwa l-prinċipji tal-ġustizzja u l-mobbiltà soċjali biex b’hekk il-Gvern ikun jista’ jindirizza l-isfidi mal-poplu.
“Għalhekk qegħdin nibqgħu nassiguraw li l-Gvern ma jimponiex piżijiet hu iżda jagħti l-għajnuniet. Speċjalment quddiem l-isfida globali tal-inflazzjoni. Għalhekk li mmexxu l-finanzi tal-pajjiż bil-għaqal u bi prijoritajiet ċari. Ħalli nkunu nistgħu nibqgħu dejjem ngħinu lin-nies.”
Il-ħidma ta’ dan il-Gvern matul l-ewwel sena tal-leġiżlatura kienet ikkaraterizzata minn għajnuna sostanzjali li l-Gvern ta lil kulħadd f’sussidji marbuta mal-kontijiet tal-enerġija fid-dawl tal-Gwerra fl-Ukrajna.
Iżda minkejja dawn l-isfidi li qegħdin ikunu ndirizzati, l-Prim Ministru nnota kif il-Gvern immexxi minnu xorta waħda baqa’ jimplimenta l-programm elettorali tiegħu ‘Malta Flimkien’.
Hawnhekk, il-Prim Ministru elenka uħud mill-miżuri li diġà twettqu.
“Għalhekk l-akbar żidiet fil-pensjonijiet, kif wegħdniekom, żidiet fiċ-children’s allowance, kif wegħdniekom u żidiet fl-in-work benfit, kif wegħdniekom ukoll. Dak hu li għamilna f’din l-ewwel sena tal-ewwel mandat li fdali l-poplu. Għinna lin-nies u se nibqgħu ngħinu lin-nies għaliex dak huwa li għażiltu intom u dak huwa li qegħdin nagħtukom.”
Dr Abela irrefera wkoll għall-benefiċċji li jingħataw ġenituri li għandhom tfal b’diżabilità li ma jistgħux jaħdmu li huwa ekwivalenti għal paga minima.
Rigward il-first-time buyers il-Prim Ministru fakkar kif issa bdew jieħdu wkoll għaxart’elef ewro fuq għaxar snin.
Lil hinn mill-miżuri soċjali, l-Prim Ministru għamel numru ta’ referenzi għal proġetti li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent naturali ta’ pajjiżna.
Dr Abela fakkar kif fost l-oħrajn, l-art taż-Żonqor ma nbnietx u ingħatat lura lill-poplu. Dan filwaqt li nfetaħ il-Park ta’ Bengħajsa fl-istess post fejn amminstrazzjonijiet Nazzjonalisti riedu jwessgħu l-Port Ħieles u jagħmlu miżbla.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar proġetti iżgħar iżda li xorta waħda jgħollu l-kwalità tal-ħajja tan-nies fejn inħolqu pulmuni ħodor fl-irħula.
“Bħalma għamilna wkoll numru ta’ proġetti f’Ħaż-Żabbar, fil-Kalkara, fil-Mosta, f’Santa Venera, fil-Ħamrun. Bħalma beda wkoll ix-xogħol biex nagħmlu l-istess tip ta’ proġetti f’San Ġwann, f’Għawdex, f’Bormla u f’postijiet oħra. Wegħdna li l-ispazji miftuħa se jkunu prijorità għal din il-leġiżlatura u hekk qegħdin nagħmlu.”
Dan apparti li proġetti bħal tal-Imsida ġew riveduti sabiex il-poplu jkompli jgawdi minn ambjent isbaħ filwaqt li fl-aħħar sena tħawwlu aktar minn ħamsa u għoxrin elf siġra madwar il-pajjiż.
Il-proġetti infrastrutturali wkoll komplew f’din il-leġiżlatura bit-tlestija tal-proġett tal-Imrieħel u bil-proġett tal-Arjuport dalwaqt jitlesta.
Dan filwaqt li l-Gvern implimenta l-miżura li rat it-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd filwaqt li ġiet imnedija skema ta’ ħamsa u għoxrin miljun ewro għal transport aktar nadif.
Dr Abela innota wkoll il-progress li kompla jsir fis-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni.
“Komplejna imbagħad inżidu l-lista ta’ mediċini bla ħlas u fl-edukazzjoni saħħaħna skemi biex kulħadd u ngħid kulħadd ikollu l-istess opportunità illi jimxi ‘l quddiem.”
Il-Mexxej Laburista rrimarka kif dawn il-miżuri kollha ġew intorodotti filwaqt li ġew miżmuma l-miżuri kollha li ddaħħlu mill-Partit Laburista fil-Gvern fl-aħħar għaxar snin li lkoll tejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.