Is-sena li ġejja se tkun sena ta’ investiment fil-partimonju Malti. Dan intqal mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Kultura Josè Herrera waqt l-estimi ta’ dan il-Ministeru.
Il-Ministru Herrera qal kif fil-budget imressaq għas-sena d-dieħla, il-Ministeru li jmexxi se jkollu żieda fil-fondi għall-aġenzija Heritage Malta. Minkejja li l-pandemija laqtet lis-settur kulturali, il-Ministru għall-Kultura semma’ kif sar xogħol sabiex jibdew isiru gwidi għal siti storiċi b’mod virtwali.
Qal ukoll li se jsiru programmi edukattivi sabiex ikun hawn iżjed għarfien dwar il-patrimonju Malti.
Il-Ministru Herrera semma kif għaddejin diversi xogħlijiet sabiex jinżamm kif jixraq il-patrimonju Malti fosthom fl-arkivji nazzjonali u r-restwar tal-iswar fil-Kottonera.
Il-Ministru Herrera semma’ kif dan il-Gvern qed jaħdem bis-sħiħ sabiex isaħħaħ il-kunsilli lokali u l-komunitajiet.
“Nemmen bis-sħiħ li l-governanza lokali tgħinn fid-demokrazija għaliex tkattar direttament fil-komunitajiet. Minħabba dan il-Gvern ma jistax ma jurix l-impenn tiegħu”, sostna l-Ministru Herrera.
Waqt din is-seduta, il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield qal kif f’dan is-settur, il-gvern għamel diversi proġetti ta’ restawr u anke billi għamel riġenerazzjoni sabiex pajjiżna japprezza dak li għandu.
Bedingfield saħaq, “Ir-riġenerazzjoni ta’ diversi żoni hija esperiment li rnexxa. Bdejna bil-Belt Valletta, qed inkomplu bil-Kottonera u hemm żoni oħrajn li jiena nittama illi l-Gvern iħares lejhom.”
Bedingfield semma’ kif il-Gvern qed jaħdem qatigħ sabiex jirriġenera l-Kottonera b’allokazzjoni ta’ għoxrin miljun ewro.