Ġie ppubblikat ir-rapport annwali għas-sena 2020 dwar il-ħidma marbuta mal-inizjattiva bl-isem ta’ ‘Home-Start.
Din l-inizjattiva mmexxija mill-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali, l-FSWS toffri għajnuna lill-ġenituri li għandhom tfal żgħar permezz ta’ numru ta’ voluntiera.
Dan permezz ta’ żjarat minn professjonisti u gwida fl-amministrar tal-familja.
Il-Ministru għall-Familja, is-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon stqarr kif permezz ta’ dan is-servizz, familji li għandhom tfal żgħar u għandhom bżonn l-għajnuna qed isibu sostenn permezz ta’ din l-inizjattiva.
Qal, “Homestart huwa wieħed mill-ħafna servizzi li noffru bħala FSWS. Hawnhekk għandek biex ngħid hekk karatteristika partikolari fejn qed nitkellmu li nmorru fid-djar, nagħmlu reaching out lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. Xi ħaġa hekk hija dejjem importanti forsi aktar u aktar f’dawn iż-żminijiet li għadna kif għaddejna minnhom.”
Martin Chetcuti, li huwa ċ-Chairperson ta’ Home-start f’pajjiżna stqarr kif fi żmien il-pandemija kienet saret iżjed diffiċli sabiex wieħed iżomm il-kuntatt mal-familji li jkollhom bżonn.
Madankollu, qal kif b’modi differenti dan il-kuntatt ma ntilifx tul il-pandemija.
Spjega, “Pero xi ħaġa li kienet importanti ħafna kien il-fatt li ridna nżommu kuntatt kemm mal-volontiera tagħna biex nissaportjawhom ukoll pero l-familji kollha li kellhom bżonn l-għajnuna tagħna. Ridna nibqgħu f’kuntatt magħhom b’metodi differenti, jiddependi wkoll iċ-ċirkostanza ta’ kull familja għaliex l-idea hija li m’hemmx mod wieħed kif tista’ tintervjeni.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti spjega kif din l-inizjattiva tinżamm ħajja permezz ta’ 12 il-ħaddiem voluntier f’Malta u tlieta oħra f’Għawdex.
Qal li issa wieħed irid jara kif dan is-servizz, filwaqt li jibqa’ jaħdem fil-parametri ta’ Home-Start internazzjonalment, irid ikompli jitjieb sabiex jibqa’ relevanti u jaddatta maż-żminijiet u r-realtajiet tal-familji Maltin.