L-2016 tibqa’ mfakkra bħala waħda mill-aktar snin li pprovdiet elezzjonijiet imprevedibbli. Il-poplu Brittaniku għażel li jivvota biex joħrog mill-Unjoni Ewropea anke meta kważi s-sondaġġi kollha kienu qed juru bil-kontra. L-istess jista’ jingħad għall-elezzjonijiet fl-Istati Uniti.
Il-kandidat Repubblikan Donald Trump rebaħ lil Hillary Clinton u l-esperti politiċi mdawrin magħha. Kien riżultat sorpriż meta tqis l-ammont ta’ nies li dehru kontrih fil-midja Amerikana u anke mill-partit tiegħu stess.
Dawn iż-żewġ episodji wittew it-triq għal taqlib politiku li wieħed għad irid jara’ kif se jiżvolġi matul din is-sena. Il-Kullħadd tagħti ħarsa lejn l-aktar elezzjonijiet importanti li se jsiru fix-xhur li ġejjin minn dawk nazzjonali sa oħrajn ta’ natura organizzattiva.
L-Olanda
Il-poplu Olandiż se jkun qed jivvota f’elezzjoni ġenerali f’Marzu li ġej. Huwa pajjiż Ewropew ieħor li f’dawn l-aħħar xhur ra l-lemin estrem jikber permezz tal-Partit għal- Libertà ta’ ċertu Geert Wilders. Fost il-politika kontra r-reliġjon Musulmana u l-immigrazzjoni, huwa qed iwiegħed li joħroġ lill- Olanda mill-Unjoni Ewropea. Preżentament, is-sondaġġi qegħdin juru li l-partit ta’ Wilders jinsab fil-vantaġġ fuq il-Partit Liberali tal-Prim Ministru Mark Rutte.
Madankollu, it-tellieqa bejn dawn iż-żewġ partiti hija missielta u anke jekk Wilders jikseb il-maġġoranza tal-voti, se jsib koalizzjoni magħmula minn partiti ċentrali kontrih billi jiffurmaw gvern bejniethom. F’din l-eventwalità, il-lemin estrem jispiċċa fl-oppożizzjoni iżda l-Olanda kapaċi taffaċċja kriżi fit-tmexxija b’ideoloġiji differenti.
L-Organizazzjoni Dinija Għas-Saħħa
Elezzjonijiet interni f’organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ukoll importanza għall-mod kif se timxi d-dinja. Fil-fatt, l-Organizazzjoni Dinija għas-Saħħa se tkun qed teleġġi Direttur Ġenerali ġdid. Din l-elezzjoni hija meqjusa importanti minħabba l-kritika li għaddejja fil-konfront tad-direttur ġenerali preżenti Margaret Chan. Qed tiġi akkużata b’dgħufija fit-tmexxija kif ukoll għall-mod kif indirizzat il-problema tal-marda tal-Ebola. Għall-ewwel darba hemm kompetizzjoni bejn sitt pajjiżi differenti għal din il-kariġa. Sa issa, L-eks Ministru għas-Saħħa u l-Affarijiet Barranin Etjopjan Tedros Adhanom Ghebreyesus huwa l-favorit.
Hong Kong
F’dawn l-aħħar snin ir-relazzjonijiet bejn Hong Kong u ċ-Ċina komplew jieħdu daqqa ’l isfel. Lura fl-2014 grupp ta’ studenti minn Hong Kong ipprotestaw bil-kbir wara li l-Gvern Ċiniż iddeċida li jbiddel is-sistema elettorali biex ikollu aktar poteri fuq min imexxi din il-belt. Il-gvern Ċiniż iħaddan sistema fejn huwa stess jagħżel 1,200 individwu biex jeleġġi l-mexxej tal-belt. Il-Gvern ta’ Beijing qed jimbotta lir-Regina Ip għall-elezzjoni, madankollu ma tantx hi popolari maċ-ċittadini. Fil-fatt, in-nies ta’ Hong Kong iridu lil John Tsang. Jidher, li n-nies ta’ Beijing huma lesti jimblukkaw in-nomina tiegħu minħabba li dan jaf jibda rivoluzzjoni għall-indipendenza ta’ Hong Kong.
Il-Ġermanja
Għar-raba’ elezzjoni konsekuttiva Angela Merkel se tkun qed terġa’ tikkontesta għall-kariga ta’ kanċillier. Bl-elezzjonijiet pjanati li jsiru f’Ottubru, s’issa s-sondaġġi qegħdin juru li l-Partit Demokristjan ta’ Merkel qiegħed minn fuq b’għaxar punti fuq is-Soċjali Demokratiċi ta’ Sigmar Gabriel. Kaxxa magħluqa f’din l-elezzjoni se jkunu l-lemin estrem minħabba li fl-elezzjonijiet lokali huma kisbu l-maġġoranza tal-voti fi stati meqjusa popolari mal-Partit Demokristjan. Anke jekk il-lemin estrem qed jerġa’ jieħu l-ħajja minn fejn beda, huwa diffiċli li Merkel titlef din l-elezzjoni.
Franza
L-elezzjonijiet Presidenzjali fi Franza se jkunu wkoll ta’ importanza partikolari għall- Unjoni Ewropea. Ir-rebħa ta’ Trump u l-attakki terroristiċi fi Franza tejbu l-popolarità ta’ Marine Le Pen, f’isem il-lemin estrem. Hija wkoll stqarret li tixtieq tagħmel referendum biex Franza tkun tista’ toħroġ mill-Unjoni Ewropea. Wara ħafna snin, l-isfida ewlenija għal din l-elezzjoni se tkun li s-Soċjalisti u l-Konservattivi jaħdmu biex Le Pen tiġi eliminata fl-ewwel elezzjonijiet.
L-Iran
Elezzjoni oħra interessanti se tkun dik fl-Iran bejn Hassan Rouhani u Mahmoud Ahmadinejad. L-importanza tagħha hija bbażata fuq dak li jixtieq Ahmadinejad: li jittejbu r-relazzjonijiet mal-Punent, titjieb l-ekonomija u l-implimentazzjoni tad-drittijiet ċivili fil-pajjiż. Madanakollu, jidher li Rouhani għadu qed igawdi l-appoġġ tal-poplu Iranjan.
Il-Korea T’isfel
L-Assembla Nazzjonali tal-Korea t’Isfel ivvotat biex jitneħħa l-President preżenti Park Geun-hye wara li nstabet li kienet involuta f’każ ta’ korruzjoni ma’ ħabibtha għal 40 sena sħaħ. Preżentament, hemm il-Qorti Kostituzzjonali għaddejja bl-istudju ta’ dan il-każ u l-Korea t’Isfel tinsab bla president u l-elezzjoni maħsuba ssir f’Diċembru li ġej.