Din is-sena kienet sena rekord għall-Fondazzjoni Richmond fejn jidħlu t-telefonati fuq il-helpline 1770, hekk kif fi tmien xhur saru aktar minn 2,700 telefonata minn persuni li fittxew l-għajnuna u ħadu ħsieb is-saħħa mentali tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, Stephania Dimech Sant, qalet li dan jirrifletti l-ansjetà u s-solitudni fis-soċjetà minħabba l-pandemija, u jara żieda kbira fin-numru ta’ nies li ċemplu fuq snin oħrajn.
“Snin qabel, jiġifieri sentejn, tlieta ilu, konna naraw sitt mija, erba’ mija, jiġifieri rajna qabża kbir l-ewwelnett għaliex is-saħħa mentali qed isir aktar għarfien dwarha però dis-sena kienet waħda partikolari mmens.”
Spjegat li t-telefonati rriflettew kif bdiet tħossha s-soċjetà Maltija, id f’id ma’ kif evolviet is-sitwazzjoni tal-imxija f’pajjiżna.
“Iktar ma bdiet ittul il-pandemija, iktar bdejna naraw nies li diġà kellhom problemi ta’ saħħa mentali u s-sitwazzjoni aggravatilhom is-sintomi, forsi kellhom relapse. Allura t-telefonati llum huma aktar twal u aktar tqal għaliex huma nies li jikkumbattu ma’ ħafna sintomi diffiċli.”
Waqt żjara li għamlet fiċ-ċentri fejn jingħataw is-servizzi minn din il-Fondazzjoni, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela saħqet li l-ewwel pass għandu jkun li nagħrfu persuni li jkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli u ma nwarrbuhomx.
“Matul din is-sena, għaddejna minn sena fejn rajna żieda sostanzjali fil-mard mentali, rajna żieda sostanzjali f’persuni li qegħdin isofru minn solitudni, u allura din is-sena kienet sena speċjali fil-qasam tas-saħħa mentali, huwa importanti li nkomplu nqajmu awareness biex ngħinu lin-nies, biex nitkellmu ma’ min iħoss il-bżonn li jirrikorri għall-għajnuna.”
Min jagħmel użu mill-Helpline 1770, isib l-għajnuna minn professjonisti li jkunu lesti biex jisimgħu u jiggwidaw.
Dan is-servizz qed jopera erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.