Is-sena l-oħra kienet waħda rekord għad-Dwana hekk kif kien hemm 66 każ u li fihom inqabdu aktar minn miljun u nofs ewro fi flus mhux iddikjarati.
Skont il-liġi nazzjonali u Ewropea, il-passiġġieri jridu jiddikjaraw flus kontanti jew ċekkijiet meta l-ammont jaqbeż l-€10,000.
Intant l-uffiċjali tad-Dwana fis-sala tat-tluq fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sabu ħamsa u erbgħin elf ewro mhux iddikjarati fi tliet każijiet separati.
Fl-ewwel każ, uffiċjali tad-Dwana mit-Taqsima ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus sabu €31,200 fuq żewġ passiġġieri li kienu se jħallu Malta lejn pajjiż tal-Unjoni Ewropea.
F’każ ieħor u f’operazzjoni konġunta, wieħed mill-klieb mit-Taqsima tal-Klieb wassal biex instabu €13,880 fuq passiġġier li kien se jħalli Malta lejn pajjiż barra mill-Unjoni Ewropea.