Rekord ta’ 2.6 miljun turist żaru Malta bejn Jannar u Diċembru tal-2018. Dan ifisser żieda ta’ 14.3 fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena 2017.
L-ammont ta’ ljieli li qattgħu f’pajjiżna dawn it-turisti żdied bi 12.5 fil-mija li b’kollox ifissru mat-18.6 miljun lejl f’Malta.
F’Diċembru 2018, żaru pajjiżna 122,759 turist; żieda ta’ 11 fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar fl-2017.
Pajjiżna wkoll sar wieħed mill-inqas pajjiżi Mediterranji li jbati mill-istaġjonalità. Fil-fatt ir-rata ta’ tkabbir ta’ turisti li żaru Malta bejn Jannar u Ġunju tiżboq ir-rata ta’ tkabbir ta’ bejn Lulju u Settembru.
Waqt konferenza dwar dawn ir-riżultati, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li dan hu xempju ta’ pajjiż li qed isir a ’12-month destination’. Qal li jixtieq li issa jkun hemm qabża fil-kwalità u li n-nies jonfqu iżjed.
Qal li filwaqt li ġie msaħħaħ il-‘core market’, sar xogħol f’destinazzjonijiet ġodda. Tant li għall-ewwel darba l-Istati Uniti daħal fil-lista ta’ l-10 l-iżjed pajjiżi li minnu jiġu turisti lejn Malta.
Għall-2019 il-Ministru Mizzi qal li pajjiżna qed jara l-frott ta’ swieq ġodda miftuħa s-sena l-oħra. Iżda mhux biżżejjed għax minn April se jkun hemm titjiriet ġodda fil-‘core markets’: Cardiff, Exeter, Verona, Genova , Perugia, Bordeaux, iżda mhux biss. Se jkun hemm diversifikazzjoni lejn swieq ġodda ukoll: minn April se tibda t-titjira lejn Amman min Ryanair li hi stmata li ġġib 10,000 turist fis-sena.
F’april ukoll l-Air Malta ħa tħabbar it-titjira lejn il-Kajr fl-Eġittu.
Se jibdew ukoll it-titjiriet lejn Doha fil-Qatar mis-sajf u se jinfetħu titjiriet ukoll lejn Cork fl-Irlanda flimkien ma’ Masstricht fl-Olanda u Debrecen fl-Ungerija fost l-oħrajn.
Il-Ministru Mizzi saħaq ukoll li pajjiżna jrid jagħmel l-affarijiet differenti sabiex jegħleb il-kompetizzjoni minn pajjiżi oħra.
Rigward infratstruttura għat-turiżmu, se jsir impenn għar-riġenerazzjoni ta’ paceville u The strand Sliema biex titjieb l-infrastruttura. Is-sena d-dieħla se ssir riġenerazzjoni ta’ San Pawl u Buġibba.