Rekord ta’ turisti f’Malta u Għawdex matul is-sena u rekord ukoll ta’ dħul mit-turiżmu li mistenni jkun aktar minn żewġ biljun ewro.
Ċifri uffiċjali juru li n-nefqa tat-turisti kienet mifruxa sew fuq l-akkomodazzjoni fil-lukandi, f’postijiet ta’ divertiment, kulturali u ristoranti. Kienet irreġistrata wkoll żieda b’saħħitha fl-għadd ta’ ljieli li t-turisti qattgħu Malta.
Fl-ewwel għaxar xhur tas-sena total ta’ kważi 16.6 miljun lejl, żieda ta’ kważi tlettax fil-mija meta mqabbel mas-sena li għaddiet.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi spjega kif “ir-riżultati kienu sbieħ, fil-fatt din is-sena se nkunu lħaqna rekord ġdid ta’ turisti li ġew lejn pajjiżna. 2.6 miljun turist. Din hija ċifra straordinarja. L-infiq min-naħa tat-turisti żdied ukoll, u laħaq iż-żewġ biljun ewro fis-sena”.
Iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, urew li xahar wara l-ieħor kienet qed tiġi rreġistrata żieda fil-wasliet tat-turisti. Sinifikanti l-fatt li wasliet tat-turisti fix-xhur tradizzjonalment inqas bieżla mis-sajf ġew aktar turisti minn Lulju tas-sena ta’ qabel.
Il-Ministru Mizzi qal li l-Gvern ħadem ma’ bosta entitajiet fosthom l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, biex jiġi assigurat li t-turiżmu jkun inqas staġjonali u l-wasliet tat-turisti jinfirxu matul is-sena kollha. Żied jgħid li l-Gvern ħadem biex kompla saħħaħ il-prodott permezz ta’ bosta inizjattivi li ġabu lejn Malta eluf kbar ta’ turisti:
“Ħdimna fuq introduzzjoni ta’ rotot ġodda għall-pajjiż. Minn 90 rotta s-sena li għaddiet għal 110 rotot. Għandna iktar connecting flights għall-Ewropa milli hemm fl-ajruport ta’ Heathrow f’Londra”.
Ir-Renju Unit baqa’ l-akbar suq b’saħħtu b’aktar minn 570,000 turist fl-ewwel għaxar xhur tas-sena segwit minn dak Taljan bi kważi 350,000 wasla.
Is-suq Ġermaniż u dak Franċiż baqgħu t-tielet u r-raba’ l-aktar swieq b’saħħithom bi kważi mitejn elf wasla li kollha rreġistraw żiediet fuq is-sena li għaddiet.
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li l-Gvern hu impenjat li jkompli jtejjeb il-prodott f’Malta u f’Għawdex li wkoll ra żidiet qawwija fit-turisti li għażlu lil Għawdex bħala d-destinazzjoni tagħhom.
“Naħdmu iktar biex insaħħu r-rotot għall-Afrika ta’ Fuq u l-pajjiżi skandinavi. Dawn se jkunu proġetti u inizjattivi għas-sena d-dieħla”.
Dr Mizzi żied jgħid li matul is-sena d-dieħla se tibda ħidma mal-kumpanija li tmexxi l-ajruport biex l-ajurport ikun aktar modern fosthom b’espansjoni fil-faċilitajiet tal-parkeġġ u aktar postijiet fejn jipparkjaw l-ajruplani. Qal li dawn huma kollha inizjattivi kritiċi għall-pajjiż li qed jgħinu lis-settur biex ikompli jirresġistrat tkabbir li huwa mutur għall-ekonomija ta’ pajjiżna.