Sena ilu l-poplu reġa’ għażel lill-Partit Laburista, fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.
Bl-għajta Malta f’Qalbna, l-Partit Laburista għamel rebħa storika oħra.
Il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew wara li kiseb ftit aktar minn erbgħa u ħamsin fil-mija tal-elettorat.
Distakk ta’ aktar minn tnejn u erbgħin elf u sitt mitt vot fuq il-Partit Nazzjonalista.
Għall-ewwel darba, partit politiku f’Malta rebaħ minnufih wara l-votazzjoni, ir-raba’ siġġu fil-Parlament Ewropew – b’Miriam Dalli, Alfred Sant, Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar ġew dikjarati eletti f’isem il-Partit Laburista.
Bħal-lum sena spikkaw ċelebrazzjonijiet oħra ta’ poplu magħqud wara l-moviment li għadu mibni wara l-Partit Laburista.
Fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, b’distakk ta’ sebgħa u erbgħin elf vot fuq il-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista kiseb rebħa kbira li ssarrfet fi tmienja u ħamsin fil-mija tal-elettorat.
Il-poplu Malti għażel il-politika tal-għaqda u mhux il-firda, għażel il-pożittivita flok in-negattivita.
Din kienet l-għaxar rebħa elettorali ta’ Joseph Muscat, bil-Partit Nazzjonalista, imexxi mill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, għamel l-ikbar telfa elettorali fl-istorja.
Wara dawn l-elezzjonijiet spikka l-ġlied u l-inkwiet intern fejn saħansitra Adrian Delia spiċċa jiġġieled għal postu.
Fil-Partit Nazzjonalista kien issejjaħ vot ta’ sfiduċja f’Delia, vot li Delia għeleb fuq il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil iżda terz tal-kunsilliera Nazzjonalista kienu vvutaw biex Delia jitlaq minn Kap tal-partit.