Din il-ġimgħa qed ikun mfakkar l-ewwel anniversarju minn meta Dr Robert Abela nħatar bħala Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista.
F’filmat li ttella’ fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela qal li din is-sena kienet waħda ta’ sfidi kbar u bla preċedent.
Saħaq li l-Gvern immexxi minnu ma waqafx jieħu d-deċiżjonijiet u ta s-soluzzjonijiet li kienu kruċjali fi żmien ta’ sfida.
Dan filwaqt li wiegħed se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet.
Il-Prim Ministru Abela sostna li f’kull deċiżjoni li ħa s’issa dejjem fittex dak li jgħaqqad lill-poplu Malti u Għawdxi.
Tenna li b’imħabba u onestà, il-poplu Maltli u Għawdxi se jkompli jġib il-bidla u jagħmel aktar kisbiet.
Il-Prim Ministru stqarr li din il-ġimgħa se jqattagħha qrib in-nies, fil-komunitajiet fejn jaħdmu u jgħixu.
Fl-aħħar nett, Dr Abela esprima l-gratitudni tiegħu għall-fiduċja li l-poplu wera miegħu u wiegħed li se jibqa’ jagħmel l-almu tiegħu biex iservi lil dan il-pajjiż.