Bħal-lum sena, il-Gvern Malti permezz tal-Prim Ministru Robert Abela nnegozja l-ikbar pakkett ta’ fondi Ewropej.
Dan hekk kif pajjiżna ġab pakkett ta’ żewġ biljun u mitejn u ħamsin miljun ewro għas-seba’ snin li ġejjin.
Dan il-pakkett innegozzjat mill-Prim Ministru Robert Abela huwa d-doppju ta’ dak li kien ġab il-Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi.
Dan wasal wara negozjati twal u intensivi f’Kunsill Ewropew speċjali dwar il-budget Ewropew.
Mal-wasla tiegħu minn Brussell, f’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, Dr Abela kien qal kif minkejja l-avvanzi ekonomiċi kbar li għamel pajjiżna u r-rati ta’ qgħad baxxi, pajjiżna ġab dan il-pakkett ta’ fondi Ewropej.
Qal, “Dan is-suċċess ksibnih billi għamilna argumenti sodi, konna konvinċenti, billi madwar il-mejda tan-negozjati tlaqna mill-ewwel li ridna nkunu katalisti bħala pajjiż biex inwasslu li jkun hemm ftehim dwar is-27 stat membru pero konna ċari li dak li huwa tagħna u bid-dritt tagħna konna lesti li niġġieldu għalih kif filfatt għamilna bil-perżważjoni u bil-konvinzjoni.”
F’Ottubru li għadda, dan il-pakkett ta’ fondi żdied b’għoxrin miljun ewro u b’hekk il-pakkett laħħaq iż-żewġ biljun u mitejn u sebgħin miljun ewro.
Dan il-pakkett ta’ Fondi Ewropej jinkludi wkoll il-Pjan ta’ Rkupru għal wara l-pandemija, li b’kollox il-fondi għal Malta jammontaw għal tliet mija u sittin-il miljun ewro.
Dan il-Pjan ta’ Rkupru tħabbar dan ix-xahar u qed isir b’investiment ta’ tliet mija u ħamsa u erbgħin miljun ewro.
Dan il-pjan jinsab bħalissa quddiem il-Kummissjoni Ewropea għall-approvazzjoni.
Dan il-pjan jinkludi sitt oqsma ewlenin fosthom l-ambjent, l-ekonomija diġitali, l-edukazzjoni u s-saħħa.