Sena ilu, waslu l-ewwel għaxart elef doża tal-vaċċin tal-Pfizer fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, ftit jiem wara li l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini, approvat il-vaċċin kontra l-Coronavirus.
Il-vaċċin beda jitqassam fl-Unjoni Ewropea, wara li l-membri stati qablu dwar xiri konġunt.
Pajjiżna kien minn ta’ quddiem biex imbotta l-idea li l-Kummissjoni Ewropea tkun hi li tixtri b’mod konġunt it-tilqim għas-sebgħa u għoxrin pajjiż tal-Unjoni Ewropea.
L-għada li waslu l-ewwel dożi f’pajjiżna, bdew jitlaqqmu dawk fuq quddiem tal-ġlieda kontra l-Coronavirus.
L-ewwel persuna li tlaqqmet f’Malta kienet l-infermiera Rachel Grech, li taħdem fit-Taqsima għall-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei.
Minn dakinhar daħal fis-seħħ il-programm ta’ vaċċinazzjoni f’pajjiżna, fejn l-ewwel tlaqqmu l-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u dawk l-aktar vulnerabbli fid-djar tal-anzjani.
Tlaqqmu wkoll il-forzi dixxiplinati u l-għalliema biex imbagħad beda jitlaqqam kulħadd skont l-etajiet, mill-ikbar għall-iżgħar.
Sadanittant, l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini approvat tliet vaċċini oħra tal-Moderna, l-AstraZeneca u Johnson&Johnson.
Sabiex tlaqqmet il-maġġoranza tal-popolazzjoni Maltija, infetħu diversi ċentri ta’ vaċċinazzjoni madwar il-pajjiż.
Apparti minn hekk, f’diversi postijiet bdiet iddur klinika mobbli, fejn wieħed seta’ jmur jitlaqqam mingħajr appuntament.
Fl-aħħar ta’ Mejju, l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċina approvat il-vaċċin għal dawk li għandhom bejn tnax u ħmistax-il sena.
Imbagħad minn nofs Diċembru bdew jitlaqqmu t-tfal ta’ bejn il-ħames snin u l-ħdax-il sena, wara li l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini approvat vaċċin għat-tfal b’doża li hija terz ta’ dik li tingħata lill-adulti.
Pajjiżna mhux biss laqqam lill-popolazzjoni Maltija, imma ta wkoll donazzjonijiet ta’ tilqim lil pajjiżi foqra.
Fil-fatt, Malta tat madwar erba’ mija u sebgħin elf doża lill-Ghana, l-Irwanda, l-Iran, il-Libja u l-Eġittu.
Fil-bidu ta’ Settembru, pajjiżna kien minn ta’ quddiem fl-Ewropa li beda jagħti d-doża addizzjonali.
L-ewwel li ħadu l-booster kienu l-anzjani li jgħixu fid-djar tal-anzjani u anki l-anzjani fil-komunità.
Imbagħad bdiet tingħata l-membri tal-forzi tal-ordni u skont il-gruppi tal-età.
Fl-aħħar jiem fetħet ir-reġistrazzjoni għal dawk li għandhom ’il fuq minn ħamsa u tletin sena u mit-Tnejn se tiftaħ ir-reġistrazzjoni għall-adulti kollha.
Hawnhekk ukoll pajjiżna jinsab fuq quddiem u skont is-sit awtorevoli Politico, Malta hija fost l-iżjed stati membri li laqqmet persuni.
Minkejja x-xettiċiżmu ta’ bosta, it-tilqim huwa sigur u effettiv.
Xhieda ta’ dan hija statistika tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, li wriet kif bil-vaċċin f’pajjiżna ġiet salvata l-ħajja ta’ aktar minn tmien mitt persuna li għandhom ’il fuq minn sittin sena.
Dan filwaqt li madwar il-kontinent Ewropew ġew salvati aktar minn erba’ mija u sebgħin elf persuna li għandhom ’il fuq minn sittin sena.