Il-ħamsa ta’ Novembru ta’ din is-sena immarka s-sena mill-mewt tal-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Karmenu Mifsud Bonnici, li ħalla din id-dinja fl-età ta’ disgħa u tmenin sena.
Wara li tħabbret il-mewt tiegħu, l-Gvern kien ħabbar li pajjiżna kien se josserva jumejn ta’ luttu nazzjonali sat-Tnejn sebgħa ta’ Novembru, dakinhar li Mifsud Bonnici ngħata l-aħħar tislima fil-preżenza tal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż.
Karmenu Mifsud Bonnici twieled Bormla nhar is-sbatax ta’ Lulju tal-elf disa’ mija u tlieta u tletin.
Huwa studja fl-Università ta’ Malta u aktar tard grawda mill-Università ta’ Londra fil-Liġi Fiskali u Industrijali fl-1968.
Mifsud Bonnici kien membru attiv fi ħdan il-Moviment Ħaddiema Kattoliċi Żgħażagħ u aktar tard inħatar konsulent lokali għall-General Workers’ Union.
Huwa beda l-karriera tiegħu fi ħdan il-Partit Laburista fl-elf disa’ mija u tmenin, proprju meta l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff propona lil Karmenu Mifsud Bonnici bħala Deputat Mexxej għall-Affarjiet tal-Partit.
Fl-elf disa’ mija u tnejn u tmenin, il-Prim Ministru Mintoff ressaq mozzjoni quddiem il-Konferenza Ġenerali fejn permezz tagħha ħuwa ppropona lil Dr Mifsud Bonnici bħala l-mexxej nominat tal-Partit Laburista.
Il-karriera politika tiegħu kompliet miexja ’l quddiem sena wara, meta ħuwa nħatar Deputat Prim Ministru kif ukoll Ministru għall-Edukazzjoni.
Fl-elf disa’ mija u erbgħa u tmenin, wara r-riżenja ta’ Dom Mintoff aktar kmieni fl-istess jum, Dr Mifsud Bonnici ħa l-ġurament bħala Prim Ministru ta’ Malta.
Bejn l-elf disa’ mija sebgħa u tmenin u l-elf disa’ mija tnejn u disgħin huwa anki serva bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Karmenu Mifsud Bonnici baqa’ jiġi elett fil-Parlament Malti sal-elf disa’ mija sitta u disgħin.