It-tnejn u għoxrin ħajja li ntilfet u t-tlett mija u għoxrin li ndarbu fl-attakk terroristiku tat-tnejn u għoxrin ta’ Marzu ta’ sena ilu fil-belt ta’ Brussel kienu mfakkra b’monument fl-ewwel anniversarju ta’ dan il-jum imdemmi.
Il-belt Belġjana fakkret dan l-anniversarju b’ċerimonja li bdiet mill-ajruport ta’ Zaventem, il-lok fejn seħħ l-ewwel attakk, fejn inżammet minuta silenzju fis-sala tat-tluq eżatt fil-ħin meta splodiet l-ewwel bomba suwiċida.
Mijiet ta’ vittmi, familjari tagħhom u nies oħra nġabru għal din il-kommemorazzjoni, fosthom l-unika vittma Malti, Lorenzo Vella, li dakinhar inzerta l-ajruport ma’ martu li kellha għoxrin ġimgħa tqala, u li kellha tkaxkru mit-tifrik.
Ma’ One News, Vella stqarr li l-ħajja nbidlet ta’ taħt fuq għaliex minkejja li l-ġrieħi fiżici jfiqu malajr, d-dbatija tal-effetti psikoloġiċi fuq il-vittmi jew dawk li jesperjenzaw l-attakk terroristiku idumu ħafna iktar.
Stqarr magħna li ċertu ħsejjes, irwejjaħ u dwal iqanqlu lura l-esperjenza kerha.
Dan l-anniversarju għandu jservi biex tinħoloq iktar kuxjenza dwar ir-riperkussjonijiet fuq il-vittmi qalilna Lorenzo Vella, “ma jistgħux jintesew, għaliex it-tbatija tagħhom tkompli.”