Tul is-sena li għaddiet il-Gvern ħadem qatigħ sabiex daħħal fis-seħħ numru ta’ riformi li komplew inaqqsu l-poteri mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Fost l-ewwel riforma li saret kienet dik tal-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija li wara r-riżenja ta’ Lawrence Cutajar il-Gvern skatta proċess ġdid u trasparenti li bih jintagħżel il-Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija.
Qabel il-waqfa tas-sajf tal-Parlament il-Parlament għadda wkoll sitt liġijiet b’vot unanimu li huma emendi fil-Kostituzzjoni.
Il-liġijiet li biex jgħaddu kellhom bżonn il-qbil ta’ żewġ terzi tal-kamra huma dwar il-ħatra tal-President tar-Repubblika, il-ħatra tal-ġudikanti, dixxiplina u t-tneħħija tal-ġudikanti, tisħiħ tal-uffiċċju tal-Ombudsman u skrutinju fuq id-deċiżjonijiet tal-Avukat Ġenerali. Liġi oħra li għaddiet hija dik dwar il-ħolqien tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.
Dawn ir-riformi legali ġew milqugħa kollha mill-Kummissjoni Venezja li wieħed mill-ftit ilmenti li kellha għal dan il-proċess kien il-mod mgħaġġel li bih dawn il-liġijiet daħlu fis-seħħ.
Min-naħa tagħha l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola Von Der Leyen laqgħet dawn ir-riformi li saru b’ittra li kienet bagħtet lill-Gvern Malti dwar il-ħidma tiegħu tul dawn l-aħħar xhur.
Aktar tard rapport rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istat tas-saltna tad-dritt fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea kkumenta pożittiv ferm dwar il-passi kbar li saru mill-Gvern Malti tul l-ewwel xhur taħt Robert Abela bħala Prim Ministru ta’ Malta.
Ir-rapport innota kif dawn ir-riformi ġew approvati fil-Parlament, partikolarment dawk ir-riformi li għandhom x’jaqsmu mal-ħatriet tal-ġudikanti u l-fatt li l-Prim Ministru naqqas ħafna mill-poteri tiegħu f’dan ir-rigward.