Il-Gvern ser ikun qed jipprovdi sena aċċess għall-internet b’xejn lil dawk l-istudenti li jagħżlu jkomplu jistudjaw wara li jtemmu l-istudji tagħhom fis-sekondarja.
Din il-miżura tħabbret fil-Budget għas-sena d-dieħla bħala parti mill-istrateġija tal-Gvern għas-sistema edukattiva ta’ pajjiżna.
Strateġija li l-għan aħħari tagħha huwa li tkompli tonqos ir-rata ta’ tfal li jitilqu kmieni mill-iskola, li jkun hemm żieda fl-adulti ta’ bejn it-30 u l-34 sena li jkollhom kwalifiċi ta’ livell terzjarju u aktar parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti.
Fil-fatt il-miżura ta’ sena aċċess għall-internet b’xejn lill-istudenti li jagħżlu jkomplu jistudjaw wara s-Sekondarja hija xprunata mill-għarfien dwar l-importanza tal-konnettività permezz tal-aċċess għall-internet, speċjalment fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-imxija.
Relatat ma’ dan ukoll, il-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla se tkun qed tirregolarizza l-edukazzjoni provduta online.
Intant il-Gvern ser ikun qed iniedi wkoll proġett pilota sabiex studenti jibdew jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC fl-istess skola li preżentament jattendu.
Dan qed isir sabiex tkompli tiġi ffaċilitata l-ħajja tal-istudenti u b’hekk jitnaqqas ħafna inkonvenjent u stress minn fuqhom.