Fis-sigħat bikrin tat-tnax ta’ Jannar ta’ sena ilu ħareġ ir-riżultat uffiċjali.
Robert Abela, avukat ta’ tnejn u erbgħin sena laħaq mexxej tal-Partit Laburista.
Ftit wara Dr. Abela u martu Dr. Lydia Abela daħlu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u mill-ewwel ta sinjal kbir ta’ għaqda.
Qal kif, “Illum Robert ma rebaħx u Chris ma tilifx, hemm rebbieħ wieħed biss, li huwa l-Partit Laburista. L-għaqda fil-Partit Laburista li jiena kommess li dik l-istess għaqda nittrasmettuha fuq livell nazzjonali, f’għaqda nazzjonali. Inħares ‘il quddiem biex naħdmu flimkien għal aktar ġid f’pajjiżna.”
Ftit tas-sigħat wara, Robert Abela indirizza l-kungress tal-Partit Laburista bħala l-mexxej il-ġdid.
Qal li l-għada, meta hu kien sejjer jieħu l-ġurament ta’ Prim Ministru, kien se jkun jum ta’ serħan il-moħħ fejn se jkompli fuq it-tajjeb li sar u jsaħħaħ fejn jeħtieġ.
Qal, “Jien ngħidilkom li għada filgħodu se jkun jum is-serħan il-moħħ. Jum illi fih se nkomplu naħdmu b’kontinwità.”
Intant f’sena ħidma ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru, kisba importanti li tibqa’ mmarkata hija li Malta rnexxielha tikseb l-akbar pakkett finanzjarju mill-Unjoni Ewropea.
F’negozjati xejn faċli fuq il-mejda mal-mexxejja Ewropej, il-Prim Ministru Malti ġab id-doppju tal-pakkett ta’ fondi Ewropej li kien kiseb pajjiżna fl-2013 minn dak iż-żmien il-Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Inizjalment pajjiżna kiseb żewġ biljun u mitejn u ħamsin miljun ewro għas-seba’ snin li ġejjin iżda fix-xhur ta’ wara sar magħruf li pajjiżna kellu żieda t’għoxrin miljun ewro fuq l-ikbar pakkett ta’ fondi Ewropej għal Malta.
Il-Prim Ministru kien qal li pajjiżna kiseb dan l-akbar pakkett ta’ fondi, li jintuża miż-żgħażagħ, mill-ħaddiema u l-familji, anki f’kuntest li r-Renju Unit ma baqax jagħti l-kontribuzzjoni tiegħu wara li ħareġ mill-Unjoni Ewropea.
Dr. Abela kien ċar ukoll li Malta m’għandiex tiġi penalizzata u jonqsu l-fondi lejha għaliex kellha tkabbir ekonomiku reġistrat wieħed wara l-ieħor.
Hu qal, “Dan is-suċċess ksibnih billi għamilna argumenti sodi, konna konvinċenti, billi madwar il-mejda tan-negozjati tlaqna mill-ewwel li ridna nkunu katalisti bħala pajjiż biex inwasslu li jkun hemm ftehim dwar is-27 stat membru pero konna ċari li dak li huwa tagħna u bid-dritt tagħna konna lesti li niġġieldu għalih kif filfatt għamilna bil-perżważjoni u bil-konvinżjoni”