Fil-25 ta’ Lulju 2023, bħal-lum sena, pajjiżna tnikket bil-mewt tal-awtur u poeta maħbub Ray Mahoney fl-età ta’ 74 sena. Imwieled f’San Ġiljan fl-1 ta’ Ġunju tal-1949, Mahoney kien popolari u rispettat minn kulħadd, anke jekk kien magħruf kemm kien persuna riservata.
Għall-funeral tiegħu, li kien sar erbat ijiem wara, kienu attendew anke l-ogħla awtoritajiet.
Ix-xogħlijiet artistiċi tiegħu, fosthom l-ewwel rock opera Maltija ‘Ġensna’, fost ħafna oħrajn, ħallew impatt qawwi fuq il-poplu għal għexieren ta’ snin.
F’Ottubru li għadda, kunċert b’interpretazzjoni mill-aqwa musicals tiegħu mill-Malta Concert Orchestra fi Pjazza Teatru Rjal, kien attira rispons sinifikanti mill-pubbliku, tant li kellhom isiru rappreżentazzjonijiet żejda.
Mahoney kien beda jikteb il-poeżiji fl-1963 u kien wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju. Matul is-snin, ħafna mill-poeżiji tiegħu ġew ippubblikati f’kotba u antoloġiji.
Fl-1982, hu kiteb il-lirika ta’ ‘Ġensna’, wieħed mill-isbaħ musicals ta’ kull żmien, waqt li kien l-awtur ta’ bosta musicals oħrajn, bħal ‘Bastilja’ fl-1986, ‘Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka’ fl-1991, ‘Żeża tal-Flagship’ fl-1996 u l-aħħar wieħed ‘Jien Ġużeppi’ tmintax-il sena ilu.
Tul dan iż-żmien, ħadem ma’ diversi mużiċisti u sumastrijiet, inkluż Maestro Paul Abela, li kkollabora miegħu fuq diversi proġetti.
Minbarra hekk, kiteb ukoll kanzunetti popolari għall-festival tal-Eurovision, inkluż dik fl-1992 bl-isem ta’ ‘Little Child’, li biha Mary Spiteri kienet ikklassifikat fit-tielet post, waqt li sena wara kiteb diska oħra għal Paul Giordimania u Georgina Abela bl-isem ta’ ‘Could It Be’, li spiċċat fis-sitt post.
Mahoney ħadem ukoll fil-qasam tax-xandir, fejn sa mill-ftuħ tal-istazzjon ONE Radio kien ta’ kontribut kbir, speċjalment bil-qari uniku tiegħu tar-rumanzi.