Bħal-lum sena, Malta ġiet eletta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. F’dan il-vot, pajjiżna ġab appoġġ ta’ aktar minn 97 fil-mija tal-pajjiżi kollha msieħba fin-Nazzjonijiet Uniti.
Dan wassal biex, din is-sena u s-sena d-dieħla, Malta għandha wieħed mill-15-il siġġu f’dan il-forum ta’ importanza internazzjonali kbira.
Fi Frar li għadda, Malta kellha wkoll il-Presidenza tal-Kunsill, li matulha mexxiet il-laqgħat fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, l-Istati Uniti.
Tul dan ix-xahar, pajjiżna mexxa dibattiti dwar it-tibdil fil-klima u ż-żieda fil-livell tal-baħar u anki dibattitu dwar il-gwerra fl-Ukrajna, eżattament sena wara li bdiet l-invażjoni Russa f’dan il-pajjiż fil-Lvant tal-Ewropa.
Malta mistenni jkollha l-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għat-tieni darba f’April tas-sena d-dieħla.