Sena ilu laqqat il-virus tal-Covid-19, illum jappella għal aktar attenzjoni ħalli tkompli tiġi mrażżna din l-imxija.
Dan huwa Remy Said, li propju sena ilu ttestja fil-pożittiv għall-Covid-19.
Huwa kien l-għaxar persuna f’pajjiżna li laqqat il-virus.
F’intervista ma’ ONE News spjega kif ittestja għal dan il-virus waqt li kien f’konferenza fil-Ġermanja.
Huwa qal, “Jien kont imsiefer kont mort għal jumejn xogħol il-Ġermanja biss wara fl-istess ġurnata li mort, il-convention li mort għaliha kienet ġiet kanċellata umbagħad biddilt il-pjanijiet u ġejt lura ġurnata qabel. Sfortunatament meta ġejt lura jew mill-ajruplan jew minndak il-convention stess li ma seħħx u li kont fil-premises jien ġejt lura positive.”
Elenka wkoll is-sintomi li huwa ħass anke wara li ħeles mill-virus.
Huwa tenna: “Telefonata f’nofs il-lejl fejn ċempluli l-Health Authorities li kelli l-Covid-19 u mort mal-ewwel Mater Dei. Dak il-ħin hemmhekk daħħluni fil-ward u għamilt hemmhekk qisu total ta’ 12-il ġurnata. Deni, uġigħ ta’ ras qawwi jiġifieri dawk kienu sintomi l-iżjed iebsin speċjalment id-deni. Biss bħala long term effect kien hemm l-uġigħ ta’ ras li baqgħet tippersisti sa xhur wara.”
Meta staqsejna lil Remy dwar is-sitwazzjoni hawn Malta, huwa tenna li meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra, Malta rnexxielha timmitiga l-effetti negattivi tal-virus.
Spjega wkoll li b’differenza minn Malta, pajjiżi oħra ilhom xhur jaffaċċjaw numru kbir ta’ infezzjonijiet anki jekk kellhom imposti diversi miżuri.
Said saħaq: “Jien naħseb li hawn Malta għandna privileġġ li sejrin inġenerali tajjeb. Vera kien hawn dan is-soft lockdown jew l-għeluq tal-ħwienet, ristoranti eċċ. Biss meta tara pajjiżi oħra ilhom xhur hekk jiena naħseb li qegħdin ferm aħjar.”
Madankollu temm jappella għall-kawtela u filwaqt li saħaq li ma nippuntaw swaba’, irridu lkoll nagħmlu l-parti tagħna u nibqgħu nosservaw id-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Huwa sostna: “Illum il-ġurnata naħseb kulħadd jaf li t-2 metre social distancing, il-maskra u affarijiet oħrajn huma affarijiet li jgħinu. Wieħed irid ikun viġilanti lejn il-marda stess.”