“Sena ilu ħadt deċiżjoni importanti għall-futur tiegħi – għażilt ħajti minflok id-dehra tiegħi.” Hekk sostniet Martina Fenech, tfajla ta’ 22 sena li f’messaġġ fuq Facebook irrakkontat kif sena ilu għażlet li tagħmel l-operazzjoni li tneħħi sidirha sabiex tipprevjeni l-kanċer tas-sider.
Spjegat kif hi kellha deċiżjoni iebsa quddiema, dik li tgħix ħajjitha mhedda bil-biża’ li tingħata l-aħbar li għandha l-kanċer tas-sider jew tagħżel li tipprevjeni dan billi tneħħi sidirha.
Martina spjegat kif ma kinitx deċiżjoni faċli, hekk kif meta titlef parti minn ġismek fl-età ta’ 21 sena – mhix ħaġa sabiħa – iżda għażlet ħajjitha minflok id-dehra tagħha.
Hi appellat lil kulħadd li jinsab f’riskju biex jagħmlu l-eżamijiet mediċi neċessarji hekk kif il-prevenzjoni hi aħjar mill-kura.