Din is-sena kienet storja differenti fuq il-Vendemmia u l-proċess tat-tkabbir tad-dwieli u għeneb. Pajjiżna ftit li xejn kellu xita, nfatti niżlet biss nofs l-ammont ta’ xita li kellna fis-sena 2015. Nistgħu ngħidu li din is-sitwazzjoni tista tiġi meqjusa bħala deżert u li mhux normali għal pajjiżi bħal Malta fejn l-agrikoltura hija mportanti ferm.
Il-qtugħ tal-għeneb għadu għaddej, iżda Jeremy Cassar, CEO ta’ Marsovin, spjega li matul din is-sena pproduċew inqas għeneb. Huwa stqarr li din in-nixfa kellha effett ħażin fuq dwieli li m’għandhomx drip irrigation system – sistema li tagħti iżjed ilma lid-dwieli fi snin bħal dawn, meta ma tagħmilx biżejjed xita.
Eżempju ta’ dawn huma l-Girgentina u l-Ġellewża ta’ Malta li nsibuhom fl-Imġarr u s-Siġġiewi. Dawn id-dwieli huma indiġeni u għalhekk jeħtieġu aktar attenzjoni. Cassar fisser li Marsovin, investit ħafna fix-xiri tal-girgentina u ġellewza li huma tip ta’ għeneb li jużaw f’ħafna nbejjed, iżda jeħtieġ li jsir aktar investiment fihom biex ikollna identitá fil-produzzjoni tal-inbid.
“Għandna problema, 35% ta’ dawn id-dwieli mietu, l-biża tagħna hi li jkollna sena oħra bħal din li tfisser li dan it-tip ta’ għeneb jispiċċa.”
Jeremy Cassar stqarr li din il-problema tista tiġi ndirizzata jekk jiżdied l-aċċess għall-ilma, permezz ta’ re-plantations mill-bdiewa. Huwa temm jgħid li din l-għenba indiġena hija l-aktar prezzjuza f’dan il-qasam.
Ic-CEO spjegalna li 3 snin ilu l-kumpanija Marsovin bdiet il-proċess biex tkabbar għeneb organiku li wassal biex Marsovin, tkun tista’ tipproduċi inbid bħal-Marnisi.Il-Gvern Malti se jkun qed jgħin lill-produtturi tal-inbid permezz ta’ kampanja li tipromwovi l-inbid Malti. Cassar spjega li l-bdiewa jistgħu jibbenefikaw ukoll minn fondi Ewropej li jistgħu jużawhom biex jiżirgħu għeneb indiġeni.