Żagħżugħ ta’ 22 sena min-Niġerja ntbagħat sena ħabs u ngħata multa ta’ €3,000 wara li kkawża uġigħ, tbatija u dwejjaq mingħajr bżonn fuq debba f’razzett fix-Xewkija f’Għawdex.
Il-Qorti ordnat li Omo jitkeċċa minn Malta wara li jiskonta s-sentenza tiegħu.
Robert Omo kien tressaq il-Qorti akkużat b’moħqrija tal-annimali u li daħal fi propjetà ta’ ħaddieħo kif ukoll li offenda l-pudur b’għemil li sar f’post pubbliku.
Kienu kameras tas-sigurtà fir-razzett li servew bħala prova kruċjali f’dan il-każ fejn urew l-atti indiċenti li wettaq l-akkużat. Fosthom kif l-akkużat daħal fil-proprjetà tal-familja Xuereb fejn kien allegat li pprova jkollu x’jaqsam mad-debba magħrufa bl-isem ta’ Katya.
Fl-istess filmat intwera kif Omo deher isawwat lid-debba b’oġġett iebes, jagħtiha bis-sieq u saħansitra tefgħalha tyre bil-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri argumenta kif dan jitqies moħqrija tal-annimali.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud tenniet kif il-maġġoranza tal-Maltin iħobbu l-annimal domestiċi, u għalhekk għandu jintbagħat messaġġ b’saħħtu lil dawk il-persuni li jwettqu atti ta’ moħqrija fuq l-annimali, hekk kif dawn l-atti mhux aċċettabbli.