Abdigani Omar Abdillahi ta’ 28 sena mis-Somalja intbagħat sena ħabs u mulltat elfejn ewro wara li nstab ħati li ħebb għall-Pulizija meta kien fis-sakra.
Huwa kien akkużat ukoll li hedded lill-Pulizija, li kellu arma li taqta’ u bil-ponta, li kiser il-paċi pubblika, li kien fis-sakra u li kien riċediv fost l-oħrajn.
Il-każ seħħ f’Diċembru li għadda meta f’bar f’Marsalforn, l-akkużat ħebb għal raġel ieħor u għamel sikkina ma’ sidru. Meta waslu l-pulizija huwa ġie arrestat iżda meta kien qed jittieħed l-għassa kien aggressiv fil-karozza u pprova jigdem lill-Pulizija.
Il-Qorti qalet li l-akkużat minkejja li ngħata opportunitajiet biex jirriforma ruħu huwa ma’ riedx li jieħu dan iċ-ċans. Filwaqt li lliberat lill-akkużat mill-akkuża li hedded lill-Pulizija, il-Qorti sabitu ħati tal-akkużi l-oħra u kkundannatu sena ħabs u l-multa ta’ elfejn ewro.