Mat-Times, għal darb’oħra, il-Partit Nazzjonalista reġa’ qed iweħħel fl-awditur, bħala l-iskuża għan-nuqqas tiegħu kontra l-liġi li għadu ma ppubblikax il-kontijiet finanzjarji tiegħu għal sena oħra mal-Kummissjoni Elettorali, kif inhu obbligat li jagħmel kull sena.
Minkejja dan, mindu Bernard Grech sar Kap f’Ottubru tal-2020, il-Partit Nazzjonalista għadu ma ppubblikax l-kontijiet finanzjarji tiegħu. Dan fi ksur sfaċċat tal-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti.
Mis-sit tal-Kummissjoni Elettorali stess hu evidenti kif il-Partit Nazzjonalista għadu ma ppubblikax il-kontijiet finanzjarji tiegħu għas-snin 2021, 2022 u l-2023.
Il-Partit Nazzjonalista għadu ma ppubblikax lanqas id-donazzjonijiet li rċieva fl-2022 u l-2023.
Apparti l-Partit Laburista, li ppubblika l-kontijet finanzjarji tiegħu skont il-liġi, hemm ukoll partiti żgħar li lanqas jikkontestaw l-elezzjonijiet ġenerali, bħal Residenti Beltin, Floriana L-Ewwel u l-Partit Għarb L-Ewwel, li wkoll ippubblikaw il-kontijiet finanzjarji tagħhom mal-Kummissjoni Elettorali.
Skont il-liġi, partit politiku jrid jippreżenta r-rapporti awditjati mal-Kummissjoni Elettorali fi żmien erba’ xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja. Jekk dan ma jsirx, partit politiku jista’ jeħel multa ta’ €10,000.
Irid jiġu ppreżentati wkoll ir-rapporti tad-donazzjonijiet annwali u, jekk ma jsirx dan, il-multa titla’ għal €20,000.