Li bħalissa hawn ħafna mard, kapaċi jgħidlek kważi kulħadd.
Ħafna huma dawk li għandhom rih, uħud riefnu. Ħafna wkoll imorru għand tal-ħanut biex jixtru l-għasel, l-aktar dak ta’ Malta. Dan tal-aħħar għadu storja mediċinali twila ħafna. Fl-antik, l-Eġizzjani kienu joffru l-għasel lill-allat tagħhom, imma kienu wkoll jużawh biex jibbalzmaw fl-affarijiet u biex ifejqu feriti. Illum-il ġurnata, speċjalment għax donnha qed issir popolari t-terapija olistika, l-għasel għadu popolari, speċjalment meta bħala parti mit-trattament għall-irjiħat.
Għalhekk skantajt mhux ftit meta mort nixtri l-għasel Mellieħi, u qaluli “din is-sena m’hawnx”.
Staqsejt għaliex, u wieġbu li t-temp kien kiefer ħafna. Mhux konvinta, dort aktar ħwienet, u kważi kulħadd bl-istess risposta. Wara li spiċċajt b’għasel li mhux pur, ħassejt li kelli nistaqsi lil Alfred E. Baldacchino, li jitkellem dwar il-biodiversità.
Mingħajr tlaqliq, wieġeb “din is-sena kienet diżastru għan-naħal”.
Spjega li waħda mir-raġunijiet hija li s-sena l-oħra ma tantx kellna xita, u għalhekk il-fjur slavaġġ fejn l-aktar li jirgħa n-naħal kien verament ftit u fqir.
Barra minn hekk il-bexx kimiku bla kontrol fuq il-fjuri li jikbru qrib l-urban, li ħafna jqisuh bħala ħaxix ħażin, mhux biss ma għenx lin-naħal imma anki qatel ħafna minnhom.