L-Istitut għall-Edukazzjoni f’Pembroke din il-ġimgħa fetaħ il-bibien tiegħu għal aktar minn 240 parteċipant li kienu eliġibbli li jsegwu kwalifiki undergraduate u anke postgraduate.
Wara r-rispons pożittiv għall-kwalifiki fil-Baċellerat u Master’s tas-sena li għaddiet, l-Istitut għall-Edukazzjoni qed jilqa’ mill-ġdid għalliema prospettivi f’suġġetti ġodda ta’ speċjalizzazzjoni fosthom: l-Inġinerija Teknoloġika, Il-Ħjata u l-Moda, l-Ingliż, ix-Xjenzi u anke r-Reliġjon.
Barra minn dan, kien hemm rispons qawwi fil-korsijiet Master’s in Applied Educational Leadership (MQF 7) u l-Postgraduate Certificate in Assessment for Learning Teaching Strategies (MQF7) li huma offruti sabiex jissaħħu iktar l-iżvilupp u l-prattika professjonali tal-edukaturi kwalifikati.
Il-programmi offruti mill-Istitut għall-Edukazzjoni qed jaddottaw prattika ta’ tagħlim li parti minnhom issir online jew saħansitra anki kors kollu online. L-għan tal-Istitut għall-Edukazzjoni li jaddotta din il-prattika diġitali hu sabiex tiżdied id-diskussjoni fi gruppi u jkun hemm iktar kritika u kollaborazzjoni bejn l-edukaturi. B’hekk tissaħħaħ il-prattika professjonali tal-edukaturi li jirriflettu u jiżviluppaw network ta’ tagħlim innovattiv.
Sa mill-bidu tiegħu fl-2016, l-Istitut għall-Edukazzjoni kiber f’istitut edukattiv, ogħla u dinamiku, li joffri għajnuna diversa lil dawk kollha li jagħtu kontribut u juru l-interess tagħhom fl-edukazzjoni. Minbarra dawn il-kwalifiki, l-Istitut joffri bosta korsijiet qosra, kemm għall-edukaturi kif ukoll għall-ġenituri, li jixtiequ jiżviluppaw u jsaħħu l-kompetenzi tagħhom u anki jkollhom sehem attiv fit-tagħlim tat-tfal.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fuq is-sit elettroniku tal-Istitut għall-Eduazzjoni life.gov.mt u fuq il-pjattaforma diġitali: https://ife.portal.gov.mt/programme/apply