Wieħed mill-aktar gruppi popolari Maltin, The Travellers, ingħaqad mal-Fondazzjoni Inspire biex jippromwovi messaġġ ta’ kompassjoni u empatija permezz tad-diska popolari Sempliċità.
Il-membri tal-grupp Għawdxi li ngħaqdu fl-2013, qalu li huma ‘grati lill-Inspire għall-esperjenza li huma qasmu magħhom. Il-grupp, flimkien mal-Inspire, ħolqu vidjo mużikali uniku għad-diska Semplicità, bl-intenzjoni li jippromwovu l-kompassjoni u l-empatija fl-isem tad-diċenza umana.’
Il-vidjo mużikali ġie ffilmjat kollu fil-bini tal-Inspire f’Marsaskala (li qabel kien magħruf bħala r-Razzett tal-Ħbiberija), u l-membri tal-grupp jidhru jimxu madwar il-bini kollu, jiltaqgħu u jitkellmu mal-klijenti tal-Inspire hekk kif dawn jużaw id-diversi servizzi ta’ terapija u ta’ divertiment li toffri l-Fondazzjoni.
“Il-faqar u l-immobililtà soċjali huma realtà li m’għandniex naċċettaw, u filwaqt li l-ħaddiema tal-Inspire qed jagħmlu kullma jistgħu biex ibiddlu dan, huma ma jistgħux jagħmlu dan mingħajr l-appoġġ tagħna,” qalu The Travellers.
“Il-kliem tal-kanzunetta Sempliċità tassew jaqblu mal-etos tal-Inspire. Huwa għalhekk li għażilna din il-kanzunetta biex nibagħtu l-messaġġ tagħna” spjega s-CEO tal-Inspire, is-Sur Antonello Gauci. “Huwa ta’ unur kbir għalina li nikkollaboraw ma’ talent lokali bħal The Travellers, li għamlu minn kollox biex jiżguraw li din il-kampanja tkun ta’ suċċess.”
“Ir-riżorsi tal-Inspire huma limitati,” qal Chris, il-kantant tal-grupp, “għaldaqstant aħna nixtiequ nħeġġu lil kulħadd biex jikkontribwixxi għal din il-kawża. Il-karità hija parti mill-kultura tagħna, u għalkemm l-affarijiet mhux se jsiru perfetti b’xi mod maġiku, id-donazzjoni żgħira tiegħek tista’ tgħin lil familja fil-bżonn biex it-tifel jew it-tifla tagħhom jirċievu edukazzjoni tajba u ġusta.”
“Il-ħidma tagħna mal-Inspire affetwatna fuq livell tassew intimu,” żiedu jgħidu l-membri l-oħra tal-grupp. “Tgħallimna wkoll li meta naħdmu lkoll flimkien nistgħu nagħmlu bidla fid-dinja ta’ madwarna.”
L-Inspire temmen li kulħadd għandu d-dritt għall-ugwaljanza u l-inklużjoni. Il-missjoni tagħha hi li tipprova tgħin lil kull min għandu diżabilità biex jikseb dan. Dan isir billi l-individwi u l-familji tagħhom jingħataw servizzi edukattivi, terapewtiċi u ta’ divertiment.
Illum, l-Inspire tgħin lil aktar minn 1000 individwu b’diversi diżabilitajiet li jvarjaw minn Down Syndrome, għal Awtiżmu, Cerebral Palsy u oħrajn.
Fit-30 ta’ Ottubru, l-Inspire ser torganizza maratona ta’ 12-il siegħa għall-ġbir ta’ fondi fuq l-istazzjonijiet kollha tat-televiżjoni. Int tista’ tagħmel donazzjoni fuq 506 18 926 biex tagħti donazjoni ta €6.99
Segwi l-vidjo mużikali hawn: