Ġie organizzat seminar informattiv dwar il-programm URBACT, programm li jipprovdi fondi li minnhom jistgħu jibbenefikaw il-kunsilli lokali biex iħejju pjanijiet u programmi għar-riġenerazzjoni u t-tisbiħ tal-lokalitajiet. Dan il-programm għandu €17 miljun disponibbli.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li dan huwa eżempju ieħor li l-Gvern preżenti jemmen fil-Kunsilli Lokali u jrid ikompli jsaħħahom b’mod kontinwu. Is-Segretarju Parlamentari tenna wkoll li dawn il-fondi marbutin ma’ dan il-programm huma identifikati għal studji u pjanijiet. Dawn l-istudji u pjanijiet imbagħad ikunu jistgħu jintużaw sabiex permezz tagħhom isiru applikazzjonijiet għal proġetti kapitali. Barra minn hekk dan il-programm jipprovdi pjattaforma għal skambju ta’ prattiċi tajba ma’ lokalitajiet oħra Ewropej fuq materji ta’ importanza kbira bħall-immaniġġjar tat-traffiku, it-turiżmu sostenibbli, l-inklużjoni soċjali, il-wirt kulturali, ir-riġenerazzjoni urbana, l-użu aħjar tal-ispazji, u l-ambjent.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius saħaq li s-sistema ta’ pjanar tal-art ta’ pajjizna hija waħda ċentralizzata minħabba ċ-ċokon ta’ Malta u n-numru mdaqqas ta’ kunsilli lokali u r-riżorsi li dawn għandhom. Iżda dan ma jfissirx li ma hemmx lok li l-kunsilli jkunu involuti u jagħtu kontribut lejn it-tfassil ta’ pjanijiet u policies li se jaffetwaw il-lokalità tagħhom. Il-kunsilli jagħtu kontribut siewi fil-proċessi ta’ pjanar; fil-fatt fil-każ ta’ proġetti maġġuri l-Gvern fl-2016 kien introduċa l-kunċett li l-kunsill ikollu rappreżentant fil-Bord tal-Ippjanar.
Huwa kompla jgħid li l-ippjanar tal-ispazju dispnobbli jibqa’ wieħed kontroversjali għaliex din qed tirreferi għal żona ristretta fejn jista’ jsir żvilupp u dan iqanqal emozzjonijiet kemmxejn qawwija.
Is-Segretarju Parlamentari Agius qal li hemm kollaborazzjoni siewja bejn l-Awtorità tal-Ipjannar u l-kunsilli. Fil-fatt, is-sena l-oħra l-Awtorità organizzat numru ta’ sessjonijiet biex jiżdied l-għarfien tal-kunsilli fuq aspetti differenti tal-ippjanar. Dawn l-inizjattivi li minnhom se jibbenefikaw il-kunsilli lokali huma importanti fil-governanza tal-pajjiz. Il-kunsilli lokali huma l-vuċi tal-komunitajiet u jafu tajjeb ħafna l-problemi, in-nuqqasijiet u l-bżonnijiet tal-lokal tagħhom. Huwa qal li l-inizjattiva tal-lum hija ntiża biex jiġu identifikati proġetti ta’ potenzjal f’partnerships ma’ kunsilli barranin u għalhekk hemm element ta’ tixrid ta’ ideat u ta’ proġetti li jistgħu jwasslu ghat-titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Huwa għalaq id-diskors tiegħu billi qal li l-pajjiż għaddej minn mewġa ta’ tkabbir ekonomiku li qiegħed ibiddel l-qafas soċjo-ekonomiku tal-poplu tagħna. Hawnhekk għandna opportunità li nitgħallmu minn xulxin, naħdmu flimkien u verament inwettqu proġetti siewja li jtejbu l-esperjenzi tal-komunitijiet tagħna.