Il-kura għall-anzjani għandha dejjem tevolvi permezz ta’ teknoloġiji ġodda biex nissalvagwardjaw il-benesseri tal-anzjani Maltin u Għawdxin.
Dan kien il-messaġġ ewlieni li ħareġ waqt seminar, bl-isem “Transforming care for older adults in Malta” organizzat mill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, dwar kif ideat u strateġiji innovattivi jistgħu joħolqu mezzi ġodda ta’ kura għall-anzjani.
Preżenti għas-seminar kien hemm diversi stakeholders u organizzazzjonijiet mhux governattivi li kollha qalu kif Malta hi fost il-pajjiżi fejn il-popolazzjoni qed tixjieħ u, għalhekk, il-kwalità hi katalista għall-aqwa kura fis-soċjetà.
Is-seminar seħħ wara li, is-sena l-oħra, tnediet l-Istrateġija Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva għas-sitt snin li ġejjin ibbażata fuq seba’ kategoriji bil-għan li jiġu protetti id-drittijiet tal-anzjani, inkluż minn abbużi u esklużjoni soċjali.
Il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela spjega kif bħalissa qed jintlaqgħu l-ideat ta’ ħafna nies minn pajjiżi differenti, però rridu nkunu aħna li naddattawhom għall-ħtiġijiet tal-pajjiż.
“Kull ambitù ta’ kura dejjem jinbidel, dejjem jiġġedded u jimmodernizza. Il-kura għall-anzjani l-istess, ma tistax tibqa’ lura. Aħna rridu nimbottaw dik it-trasformazzjoni billi nitkellmu mal-istakeholders kemm jista’ jkun kollha. L-anzjani f’kull qasam tal-ħajja għandhom ikunu inklużi.”
Sadanittant is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, tenna li, matul iż-żmien, qed jaraw mezzi dejjem aktar effettivi biex l-anzjani f’Malta u Għawdex jgħixu ħajja kemm jista’ jkun trankwilla u fil-komunità.
“L-anzjanità hi punt fejn dejjem irridu nkunu qed nitkellmu fuqha. Irridu naraw ukoll metodi ġodda anke kif nikkuraw l-anzjani tagħna. Qed naraw l-użu tat-teknoloġija, kif ħa ninkorporawha fil-kura tal-anzjani u anke bil-mod tal-kura personali tal-pazjenti infushom.”