Bit-tema, ‘Know Your Risk, Know Your Response’, ittella’ seminar biex jixpruna l-prevenzjoni fil-pubbliku dwar id-dijabete; biex in-nies jagħmlu t-testijiet meħtieġa ħalli jindirizzaw il-kundizzjoni fl-aktar stadji bikrija.
F’dan is-seminar, diversi kelliema, mhux biss qasmu l-esperjenza tagħhom imma tkellmu wkoll dwar l-isfidi marbuta mad-dijabete.
Il-Jum Dinji għad-Dijabete beda jiġi ċċelebrat għexieren ta’ snin ilu, fl-erbatax ta’ Novembru, mal-iskoperta tal-insulina.
F’dan is-seminar, ġiet indirizzata l-importanza ta’ aktar għodda u għarfien għan-nies, speċjalment dawk fil-qasam tas-saħħa.
Ġiet aċċennata wkoll, l-importanza ta’ dieta tajba u eżerċizzju fiżiku regolari, biex jonqos ir-riskju tad-dijabete.
Tkellimna ma’ Chris Delicata, il-President tal-Għaqda kontra d-Dijabete.
Qal, “Se nitkellmu dwar il-prevenzjoni, fuq il-kumplikazzjonijiet, fuq l-aspett psikoloġiku, u mentali għall-pazjenti, id-dieta tajba li għandhom isegwu l-pazjenti bid-dijabete u l-importanza tal-edukazzjoni.”
Il-Professur Stephen Fava, li huwa l-Kap tad-Dipartiment tad-Dijabete fl-Isptar Mater Dei, spjega d-differenza bejn tipi differenti ta’ dijabete.
Qal, “Ħafna drabi, id-dijabete, speċjalment Type 2, ma jkollokx sintomi, jew idum biex ikollok is-sintomi, allura, jkollok perjodu li ma tindunax, u tkun qed issir il-ħsara. Huwa importanti ħafna li kulħadd jiċċekja għandux dijabete, sabiex nindunaw mill-bidu nett, u jibdew il-kura, li tinkludi dieta, eżerċizzju, biex inkunu qed innaqqsu u nipprevjenu mill-kumplikazzjonijiet tad-dijabete.”