Il-Ministeru għal Għawdex bil-kollaborazzjoni tal-kumpanija Anchovy organizza sessjoni informattiva għan-negozji Għawdxin bis-suġġett Employer Branding and Digital Transformation.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li korsijiet bħal dawn huma neċessarji biex in-negozji jippreparaw biex jimirħu u jkabbru l-operat tagħhom billi jirreklamaw il-prodotti tagħom fuq l-internet u l-media soċjali. Qalet li l-kultura dejjem tinbidel u qed issir iktar faċli li persuna, mill-kumdità ta’ darha, tagħmel ix-xiri permezz ta’ siti online.
Permezz ta’ seminars bħal dan se tingħata overview lill-operaturi tan-negozji Għawdxin biex joħolqu l-pjattaformi tagħhom u jsiru magħrufa mal-konsumaturi. Hu għalhekk li permezz tat-teknoloġija tal-informatika l-prodott Għawdxi jista’ jsir magħruf u nkunu nistgħu nidħlu fi swieq virtwali li qed ikunu sors ekonomiku qawwi.
Il-Ministru fakkret li l-Ministeru hu impenjat biex jgħin lin-negozji Għawdxin ikomplu jkabbru l-operat tagħhom. Justyne Caruana semmiet li preżentament qed isiru diversi diskussjonijiet ma’ intrapriżi f’oqsma diversi relatati mill-informatika u li huma interessati li jibdew joperaw minn Għawdex.
Zack Borg, il-fundatur ta’ Anchovy, elabora dwar is-suġġett u l-irwol importanti tal-informatika fid-dinja diġitali u tan-negozju. Enfasizza li kull negozju, kbir jew żgħir, għandu jifhem l-effetti li dan is-suġġett qed iħalli f’dinja globalizzata.