Semana Santa. Il-Ġimgħa Mqaddsa, kif magħrufa fi Spanja.
Bħalissa kull min iżur xi belt Spanjola żgur li se jiltaqa’ ma’ xi purċissjoni b’folol kbar ta’ nies u għexieren ta’ reffiegħa jġorru statwi uniċi.
F’Malta wieħed jista’ jammira dan l-istess istil f’wirja mill-isbaħ b’mitejn statwa fuq aktar minn 40 bradella, kollha bi stil Spanjol.
Din il-wirja, li għandha miftuħa sa Ħadd il-Għid f’nofshinar, tinsab fil-Każin tal-Banda ta’ Santa Marija, l-Imqabba.
ONE News iltaqa’ u tkellem mal-imħuħ wara din il-wirja, li saħansitra ġiet rikonoxxuta mill-Ambaxxatur Spanjol għal Malta.
Leonard Azzopardi qalilna li dak kollu li wieħed isib f’din il-wirja huwa maħdum bl-idejn.
“Din il-wirja ilna nagħmluha mill-2007. Hawn 41 bradella u x-xogħol tar-rakkmu sar kollu bl-idejn u x-xogħol kollu li hawn huwa kollu bl-idejn. Ix-xogħol huwa fuq stil Spanjol u l-istatwi huma mlibbsin kollha bħall-istatwi li nsibu fi Spanja.”
Fl-istess każin, is-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija tal-Imqabba qed jagħmlu dramm li jqabbel il-passjoni ta’ Ġesù maż-żminijiet tal-lum.