B’eċċezjoni tas-Summien, l-unika speċi legalment kaċċabli fil-preżent, numru sabiħ ta’ diversi speċi ta’ għasafar selvaġġi ġew, u għadhom qed jiġu osservati, minn bosta kaċċaturi u nassaba membri tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) sa minn ġranet qabel il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa ta din is-sena, li fetaħ fil-25 Marzu, 2017. Speċi bħal Agretti Bojod u tal-Bhejjem, Tiġieġ tal-Baħar, Glallez Suwed u Gamiem tal-Kullar, kienu fost uħud li anki għamlu l-bejta u tajru frieħ.
Xi wħud minn dawn l-osservazzjonijiet u okkorrenzi ta’ tnissil ġew irreġistrati mill-kaċċaturi u n-nassaba meta dawn kienu fil-riservi tal-kaċċa u l-insib tagħhom. Mijiet ta ‘ritratti ta’ dawn l-ispeċi ta’ għasafar tal-passa, meħuda mill-istess kaċċaturi u nassaba, itellu fuq il-Midja Sociali, u b’hekk jiġu maqsuma mall-pubbliku in ġenerali kulljum.
Fi stqarrija l-FKNK ferħet lill-membri tagħha għall-kontribuzzjoni tagħhom versu l-bijodiversità bħala konsegwenza diretta ta’ l-isforzi tagħhom biex fuq bażi volontarja jimmaniġġjaw l-art tagħhom tal-kaċċa u l-insib.
Ir-ritratt ta’ hawn fuq juri Irmiedi mara, meħud minn Kevin Francica.