Ġew imħabbra d-dettalji tal-avveniment tant mistenni ta’ lejlet l-ewwel tas-sena li għal darb’oħra se jittella’ fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta.
L-aħħar lejl tal-elfejn tlieta u għoxrin se jibda b’Lara and the Jukeboys band.
Biex imbagħad tieħu r-riedni f’idejha The Palace String Orchestra mmexxija minn Ryan Abela flimkien ma’ line up ta’ wħud mill-aqwa kantanti lokali li fosthom se hemm AIDAN, Drakard, Klinsmann, Jasmine, Megan May, Sarah Bonnici kif ukoll Emma Muscat bħala mistiedna speċjali.
Dawn se jkunu qed ikantaw uħud mill-aqwa kanzunetti li ħarġu din is-sena u anki oħrajn li llum huma meqjusin bħala klassiċi.
Eżatt qabel l-aħħar siegħat ta’ din is-sena, Ron, Taryn Mamo Cefai u Keane Cutajar li se jkunu qed jippreżentaw din is-serata, jingħaqdu flimkien ma’ Dj Koroma u Dj Miggy, li se jkunu qed iferrħu lill-folla fil-Belt u lil dawk li se jkunu qed isegwu live fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali, b’mużika mill-aqwa, b’effetti speċjali fuq il-palk u b’logħob tan-nar sabiex jingħata bidu kif jixraq lis-sena 2024.
Iċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef sostna li jinsab onorat li għal darb’oħra se jkun qed jittella’ l-ikbar avveniment lokali bla ħlas ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena proprju fil-qalba tal-Belt Valletta.
Is-Sur Micallef appella lill-pubbliku sabiex lejlet l-ewwel tas-sena jżur il-Belt Kapitali tagħna u jattendi għal dan l-avveniment sabiex igawdi minn atmosfera mill-isbaħ ta’ briju u mużika ħalli flimkien nagħlqu din is-sena u nagħtu merbħa lis-sena l-ġdida bil-kbir.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici tenna li issa fadal biss ftit ġimgħat sal-qofol ta’ tmiem is-sena u t-tħejjijiet fil-Belt Valletta għaddejjin ġmielhom sabiex jiżguraw li l-poplu Malti u t-turisti li jżuruna jsellmu s-sena b’mod spettakolari.
Huwa enfasizza l-kobor tal-avveniment ta’ tmiem is-sena, u ddeskrivieh bħala l-akbar laqgħa nazzjonali f’dawn il-jiem tal-Milied.
Iċ-ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena huma organizzati minn G7 bi Ftehim ta’ Sħubija għal Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u l-Gvern Lokali bl-appoġġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Żur is-sit web vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għal aktar informazzjoni.