Wara sena mill-aktar impenjattiva, b’aktar 400 attività kulturali bis-sehem ta’ eluf kbar ta’ Maltin u turisti, spettaklu kbir bis-sehem tal-grupp mużikali Tribali se jagħlaq is-separju tal-Belt Valletta bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura.
L-ispettaklu li se jittella’ s-Sibt 15 ta’ Diċembru, jagħmel parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Aħħar Festa, jiġifieri l-għeluq uffiċjali ta’ Valletta 2018.
Id-dettalji dwar din l-attività ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici li stqarr li dan l-aħħar avveniment se joffri festa ta’ kulutra fil-kapitali bi spettaklu minn talent lokal fosthom The Brass House Unit u l-artist Ozzy Lino. Huwa żied jgħid li dakinhar se jinfetaħ għall-pubbiku wkoll il-Mużew Nazzjonali tal-Arti l-ġdid, magħruf bħala l-MUŻA:
“B’mod partikolari nixtiequ nistiednu lin-nies jiġu l-MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, li se jkun miftuħ b’xejn mill-10:00 sa tard bil-lejl, fejn se nagħmlu open day b’differeza. Mhux se tkun bħas-soltu, imma se tkun differenti, li l-familji se jieħu pjaċir”.
Fost attivitajiet oħra li l-poplu se jesperjenza, hemm l-installazzjoni interattiva mifruxa mal-belt kollha li se tfakkar punti ewlenin mill-programm kulturali ta’ Valletta 2018.
Il-Ministru Bonnici sostna li wieħed mill-għanijiet tal-Valletta 18 kien il-promozzjoni tat-talent Malti:
“In-nies apprezzaw ħafna t-talent lokali, u dik kienet l-aktar ħaġa li nixtieq li n-nis jibqgħu jiftakru kemm għandna talent f’pajjiżna, kemm għandna kultura sabiħa, u kemm għandna nkunu kburin”.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista saħaq li kull bidu għandu t-tmiem, però dan mhux se jkun it-tmiem tal-Belt Valletta. Huwa żied jgħid li dan l-avveniment reġa’ ta ħajja lill-Belt Kapitali:
“B’dawn l-attivitajiet, kemm kulturali u anke bidliet infrastrutturali, erġajna qajjimiha u erġajna ġibniha denja ta’ Belt Kapitali”.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 18, Jason Micallef, qal li permezz ta’ dan il-programm kulturali gawdew eluf ta’ nies, inkluż familji, anzjani u persuni b’diżabilità.
Is-Sur Micallef żied jgħid li dan mhux biss se jkun l-għeluq ta’ din is-sena speċjali, iżda se jkun ukoll il-bidu ta’ sena oħra ta’ ħidma sabiex il-Belt Valletta tkompli tikber fl-oqsma kulturali, ekonomiċi u soċjali.