Studenti li m’għandhomx aċċess għal kompjuter ser ikunu msellfa laptop jew kompjuter sabiex ikunu jistgħu ikomplu bl-istudji tagħhom. Dan hekk kif il-Ministeru għall-edukazzjoni ser ikun qed isellef 250 kompjuter lill-istudenti li għandhom bżonn.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-edukazzjoni Owen Bonnici ħabbar ukoll li huwa ser ikun qed jagħti xahar paga lil-Ministeru sabiex jiġu investiti f’iktar kompjuters u laptops li jkunu jistgħu jiġu mislufa lil istudenti. Dan filwaqt li appella lin-negozji u persuni li jixtiequ jagħtu għotja ta’ kompjuters jew laptops.
Il-Ministru għall-edukazzjoni u x-xogħol spjega li studenti ta’ skejjel tal-knisja li għandhom bżonn għajnuna simili ser ikunu mgħejjuna wkoll.
Huwa sostna: “Qabel wasalna għal dan l-eżerċizzju ħadna l-fehma wkoll tal-kapijiet tal-iskejjel, jiġifieri kull kap ta’ skola ġie mitlub minn Dr Fabri li għinna fil-proċess biex jindividwalizza dawn l-istudenti li għandhom bżonn l-għajnuniet fejn jidħlu l-iskejjel tal-Gvern, naturalment fejn jidħlu l-iskejjel tal-knisja jien qed nifhem li sar l-istess eżerċizzju u fil-fatt l-Awtoritajiet tal-Knisja diġà tawna l-feedback tagħhom dwar studenti li rridu ngħinuhom.”
Huwa stqarr li mill-Erbgħa ser ikun qed jibda jingħata aċċess għall-internet b’xejn lil 150 student li m’għandhomx aċċess għall-internet fi djarhom. Dawn l-istudenti li jinsabu fi skema 9 ser ikunu qed jingħataw l-aċċess b’xejn sabiex ikunu jistgħu ikomplu bl-istudji tagħhom bla xkiel fid-dawl tal-imxija tal-Coronavirus.
Din il-miżura ser tkun qed tiswa 40 elf ewro.
L-istudenti fi skema disgħa wkoll baqgħu jirċievu l-ikel id-dar kuljum bl-għajnuna tas-sewwieqa tal-vannijiet u għaqdiet ekklesjastiċi.