- WAĦDA MILL-EWWEL ISTITUZZJONIJIET FINANZJARJI TA’ PAJJIŻNA
Il-Monte di Pietà ħolquh il-Kavallieri ta’ San Ġwann u għadu jeżisti sal-lum. Għalkemm maż-żmien naqset ħafna l-importanza tiegħu, sakemm ikun għad hemm min ifittxu għad għandu post importanti f’soċjetà li trid tevita li persuni f’diffikultà jaqgħu fil-vizzju tal-użura.
Dan għax mill-Monte di Pietà wieħed jissellef il-flus, jew aħjar jirhan, billi jieħu d-deheb jew il-fidda li jkollu fil-bini tal-Monti u minflok jingħata flus. Is-sena l-oħra kien hemm 173 polza mirhana b’valur ta’ €22,035 u 290 polza mifdija (fejn n-nies ħallsu u ħadu flushom lura) b’valur ta’ €34,175.
David Borg, uffiċjali tal-Monti qal li l-oġġetti ta’ materjal prezzjuż ivarjaw minn ġojjelli tad-deheb għall-gandlieri tal-fidda u ġojjellerija antika.
“L-oġġetti jiġu vvalutati dak il-ħin stess minn espert f’dan il-qasam. L-ammont ta’ flus li l-persuna tingħata bħala self huwa persentaġġ tal-valur intrinsiku tal-oġġetti iżda hemm limitu ta’ kemm persuna tista’ tissellef f’ġurnata waħda. Naturalment, il-ġojjellerija hekk mirhana tiġi miżmuma mill-uffiċċju tal-Monti taħt sigurtà kbira,” spjega Borg.
Żied li l-persuna tingħata rċevuta f’forma ta’ polza li jkun fiha dettalji sħaħ tal-piż, l-ammont misluf u l-isem tal-persuna konċernata. “Meta l-individwu jkun komdu li jħallas lura lill-Monti l-ammont misluf flimkien mal-interessi (jiġifieri jifdi dak li jkun rahan), dan għandu jerġa’ jiġi personalment il-Monti bil-polza u l-karta tal-identità u jieħu lura l-oġġetti li jkun rahan qabel. Ta’ min jgħid li għal raġunijiet legali u ta’ sigurtà, il-Monti ma jistax joffri s-servizzi tiegħu lill-persuni taħt l-età tat-tmintax-il sena. Kif wieħed jista’ josserva, il-Monti qiegħed jagħti servizz soċjali billi jipprovdi mezz faċli sabiex jagħti self għal min hu fil-bżonn urġenti u m’għandux riżorsi għad-dispożizzjonijiet tiegħu ħlief xi ftit deheb jew fidda,” kompla jirrimarka Borg.
Mistoqsi dwar l-irwol li għad għandu l-post, Borg irrikonoxxa li żgur ħafna inqas minn meta ħolmu bih il-Kavallieri ta’ San Ġwann.
“Illum jeżistu ħafna servizzi soċjali li qabel ma kenux jeżistu. Sakemm jibqa’ jeżisti l-bżonn, il-Monte di Pietà jibqa’ jkollu funzjoni importanti fis-soċjetà Maltija llum. Wara kollox l-iskop nobbli u oriġinali li din l-istituzzjoni filantropika twaqqfet għalih għadu jiġi mħares sal-lum,” irrimarka Borg.
Din l-istituzzjoni għandha storja twila u interessanti warajha. Il-Gran Mastru Fra Martin Garzez li kien digà ħoloq il-Monti tar-Redenzjoni biex jifdi l-ilsiera minn taħt idejn it-Torok, fl-1598, ħoloq il-Monte di Pietà biex jgħin lil dawk li kellhom bżonn l-għajnuna finanzjarja. Kull min kien jiġi bżonn il-flus f’idejh beda jirrikorri għand il-Monti minflok imur jissellef mingħand in-nies li kienu jsellfu u jitolbu imgħax għoli ħafna. Min ikollu bżonn il-flus kien idur għal dik ix-xi ħaġa tad-deheb jew fidda li kien ikollu mwarrba u kultant anke għad-drappijiet u l-ilbies, li dak iż-żmien kienu jiġu aċċettati mill-Monti wkoll.
Fl-ewwel żminijiet wara li twaqqaf il-Monti, l-imgħax kien ta’ sitta fil-mija, li meta kien jitqies mal-imgħax li kien jintalab minn xi wħud dak iż-żmien, kien ammont baxx ħafna għax ġieli kien jintalab saħansitra imgħax ta’ 100%! L-imgħax tal-Monte di Pietà imbagħad tnaqqas għal ħamsa fil-mija u reġa’ tniżżel għal tlieta fil-mija.
“Illum rega’ jinsab fil-livell ta’ ħamsa fil-mija fis-sena,” spjega Borg.
Il-kapital tal-Monti żdied biċċa sew meta l-Monti ġie mogħni bil-propjetà tal-Monti tar-Redenzjoni li taħt il-Granmastru Emmanuel De Rohan ġie magħqud mal-Monti di Pietà. Iżda mbagħad meta l-Franċiżi daħlu Malta taħt it-tmexxija ta’ Napuljun, il-Monti ħa daqqa għall-mewt. F’dawk is-sentejn li l-Franċiżi damu Malta, mhux talli serqu d-deheb, il-fided u l-ħaġar prezzjuż li l-Monti kellu bħala rahan iżda serqu wkoll il-kapital kollu tiegħu. Kellu jkun il-Gvern Ingliż li reġa’ rxoxta lill-Monti billi sellfu somma kbira mit-teżor mingħajr imgħax. Ix-xogħol tal-Monti b’hekk reġa’ qabad ir-ritmu.
Mistoqsi jekk dan il-post jinżammx miftuħ biss minħabba li jidher li għandu wkoll valur storiku Borg għandu fehma differenti.
“Għalkemm m’għadx hemm il-ħtieġa li jinġabru flus biex jinħelsu skjavi Maltin, il-biża’ li xi nies jaqgħu vittmi ta’ użura jibqa’ dejjem jippersisti. Aħjar tirhan xi oġġetti prezzjużi milli tirrikorri għand nies li jipprattikaw l-użura jew issib ruħek b’mod li jista’ jkun soċjalment negattiv. Wieħed ma jridx jinsa l-fatt li ħafna min-nies li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Monti huma nies li x’aktarx huma finanzjarment daharhom mal-ħajt. Ħadd ma jieħu gost juri li jinsab fil-bżonn u għalhekk is-segretezza u l-kunfidenzjalità fix-xogħol ta’ din l-istituzzjoni huma mħarsa fl-att innifsu u pprattikati ferm qabel saret il-liġi tal-protezzjoni tal-informazzjoni li kienet daħlet fis-seħħ xi snin ilu,” temm jgħid Borg.
Dan l-artiklu tista’ ssibu fil-gazzetta KullĦadd