Newcaslte United huwa l-uniku tim li rebaħ fl-ewwel ġurnata tas-SELA Cup preżentata minn VisitMalta.
Matul il-ġurnata tas-Sibt intlagħbu żewġ partiti f’St. James Park fejn fl-ewwel waħda ltaqgħu Villareal ta’ Spanja u Nice ta’ Franza, konfront li spiċċa 1 – 1.
L-ewwel taqsima kienet karatterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-grawnd biz-żewġ timijiet ftit li xejn kienu perikolużi biex l-ewwel 45 minuta ntemmet 0-0.
Fil-bidu tat-tieni taqsima Villareal fetħu l-iskor hekk kif huma ġew mogħtija penalty wara foul fil-kaxxa fuq Jose Luis Morales. Mill 11 il-metru Ben Brenton Diaz ra l-ewwel tentattiv tiegħu jkun salvat parzjalment mill-goalkeeper Marcin Bulka bil-ballun reġa’ spiċċa għand Diaz li mir-rebound tefa’ fix-xibka.
Il-Franċiżi għamlu l-iskor indaqs ħames minuti wara meta kien Terem Moffi li għadda ballun lil Morgan Sanson li b’xutt minn ġol-kaxxa għeleb lill-Filip Jorgensen u għamel l-iskor 1-1.
Fit-tieni partia Newcaslte rebħu 2 – 0 kontra Fiorentina.
L-ewwel azzjoni perikoluża tal-logħba waslet fil-25 minuta meta kien Elliot Anderson li għadda ballun lill-Anthony Gordon b’dan ta’ l-aħħar ra x-xutt b’saħtu tiegħu jintemm mal-lasti.
Sitt minuti minn tmiem l-ewwel taqsima u Newcastle fetħu l-iskor meta kien Alexander Isak li qassam lejn Miguel Almiron li b’xutt bid-dawra tefa’ l-ballun fix-xibka, biex bl-iskor ta’ 1-0 intemmet l-ewwel taqsima.
Ma’ kważi siegħa logħob kienu Newcastle li resqu viċin meta kien l-istess Miguel Almiron li prova xutt ċentrali minn barra l-kaxxa li kien salvat tajjeb minn Michele Cerofolini.
Tmien minuti mit-tmien u Newcastle għamlu ċert mir-rebħa bit-tieni gowl meta kien korner ta’ Kevin Tripper, Alexader Isak li b’daqqa ta’ ras tefa’ l-ballun fix-xibka.
Il-Ħadd jintlagħbu żewġ partiti oħra fejn fl-ewwel partita Fiorentina jilgħabu kontra Nice u Newcaslte kontra Villareal.
Ritratt: Domenic Aquilina