Is-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej qed ikompli bil-ħidma tiegħu b’sejħiet għal fondi Ewropej għas-settur tal-biedja.
Is-Segretarjat hu konxju li minħabba l-pandemija Covid-19, hemm bosta bdiewa li qed isibu diffikultajiet biex jiksbu dokumenti u jimlew applikazzjonijiet għal fondi Ewropej taħt is-Sotto Miżura 4.1 – Appoġġ għall-Investiment f’Ażjendi Agrikoli, skont il-Programm ta’ Miżuri għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020. Dawn l-investimenti jinkludu xiri ta’ apparat jew ta’ makkinarju li jistgħu jiffaċilitaw ix-xogħol tal-bdiewa tagħna filwaqt li jkollhom impatt iktar pożittiv fuq l-ambjent tagħna.
Bħalma tħabbar aktar kmieni dan ix-xahar, qed tingħata konċessjoni lil dawk kollha li qed japplikaw taħt din is-sotto miżura rigward id-dokumenti meħtieġa.
B’din il-konċessjoni kull dokumentazzjoni li qed tintalab fl-applikazzjoni, liema dokumentazzjoni kienet klassifikata bħala obbligatorja, issa se tkun tista’ titwassal anke wara d-data tal-għeluq tal-applikazzjoni u b’hekk din tkun aċċettata u proċessata xorta waħda.
Matul il-proċess tal-evalwazzjoni, l-applikanti se jkunu mitluba jissottomettu d-dokumentazzjoni li ma jkunux laħqu bagħtu sad-data tal-għeluq, li hi nhar il-Ħamis 30 ta’ April.
L-awtorità li qed tamministra dawn il-fondi tgħarraf ukoll li minkejja li d-data tal-applikazzjoni għal din is-sejħa tagħlaq fit-30 ta’ April, hu maħsub li minħabba l-pandemija tal-Covid-19 dawk interessati li japplikaw taħt is-Sotto Miżura 4.1, se jingħataw opportunità oħra li japplikaw għal dawn il-fondi fix-xhur li ġejjin.