Il-Ministeru għall-Enerġija, flimkien mar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, ħabbru l-proċess għas-sejħiet għall-offerti għal installazzjonijiet ta’ enerġija rinnovabbli b’għotjiet aktar vantaġġjużi u kapaċità akbar għal din is-sena.
F’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Ministru responsabbli Miriam Dalli, intqal li, mill-Ġimgħa, se jinfetaħ il-proċess biex investituri jkunu jistgħu jitfgħu l-offerti tagħhom għal installazzjonijiet ta’ enerġija rinnovabbli.
Għal proġetti ta’ sistemi ta’ kobor minn erbgħin kiloWatt sa MegaWatt, qed ikunu allokati ħmistax-il MegaWatt. It-teħid ta’ din il-kapaċità tfisser li l-pajjiż jiġġenera biżżejjed enerġija nadifa għal ħamest elef u ħames mitt dar.
Għal sistemi ikbar minn MegaWatt, il-Gvern irdoppja l-allokazzjoni disponibbli għal tmienja u tletin MegaWatt. Dan ifisser li, jekk il-massimu jiġi allokati u installat, il-ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa li tinħoloq tkun biżżejjed għal madwar erbatax-il elf dar.
Hawnhekk ġie spjegat kif il-Gvern qed jinċentiva l-użu tar-rinnovabbli, kemm man-negozji kif ukoll għall-familji. B’dawn l-iskemi qed tiġi offruta l-għotja ta’ tlett elef ewro għal persuni li jridu jinstallaw sistemi ta’ pannelli fotovoltajiċi u jibbenefikaw minn Feed-in-Tariff ta’ għaxar ċenteżmi u ħames milleżmi (10ċ5) għal kull unit għal għoxrin sena.
Skema oħra hi intiża favur aktar installazjonijiet ta’ batteriji għal ħażna tal-enerġija, fejn ġie rdoppjat l-ammont għal sebat elef u mitejn ewro.
Il-Ministru Dalli qalet li, b’dak li ġie installat f’dawn l-aħħar erba’ snin, qed tiġ ġġenerata biżżejjed enerġija nadifa għal tnejn u tletin elf dar.
“Nemmen li għandna l-potenzjal li nagħmlu aktar, jiġifieri l-policy tagħna hi li nħarsu lejn il-potenzjal tal-baħar ħalli dak ikompli jgħinna nżidu l-persentaġġ ta’ rinnovabbli. Però rridu nagħmlu wkoll aktar biex inżidu r-rinnovabbli fuq l-art tagħna, minkejja l-limitazzjonijiet li għandna. U allura dan il-pakkett, li ddiskutejnih ma’ stakeholders differenti, hu aktar ambizzjuż, imma jħajjar aktar lill-investituri biex imorru għall-proġetti ta’ enerġija rinnovabbli u wkoll għall-ħażna tal-enerġija fil-batteriji, li hi importanti ħafna għal pajjiż kollu kemm hu.”
Fil-konferenza tal-aħbarijiet intqal li se jkun hemm erba’ sejħiet differenti għall-applikazzjonijiet, li jintemmu sa Novembru li ġej. Wieħed jista’ jsib aktar informazzjoni fuq is-sit rews.org.mt.