Hawn bżonn urġenti ta’ kull tip ta’ demm. F’messaġġ is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qal kif fil-preżent, donazzjonijiet tad-demm mhux qed isiru biżżejjed biex ilaħħqu mad-domanda. B’riżultat ta’ hekk ir-riżerva tad-demm tbaxxiet ħafna u hemm possibilità li jiġu posposti xi trasfużjonijiet tad-demm, kif ukoll operazjonijiet proprju fil-ġimgħa tal-Milied.
F’dan ix-xenarju, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed jappella għall-għajnuna u l-ġenerożità tal-poplu Malti biex dan ma jseħħx.
Sadanittant is-Servizz fakkar li ħadd m’għandu garanzija li mhux ser jiġi bżonn id-demm, u meta wieħed jiġi bżonnu ħadd ma jaf l-ammont li ser ikun meħtieġ minnu.
Appell tal-aħħar hu għal sewqan bil-galbu u biex min ser isuq ma jixrobx alkoħol!
L-għoti tad-demm jista’ jsir:
- fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa, bħal dejjem, ser ikun miftuħ sebat ijiem fil-ġimgħa mit-8:00am sas-6:00pm.
- fil-Berġa tax-Xewkija nhar Is-Sibt 21 ta’ Diċembru ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.
- Għada l-Ħadd l-22 ta’ Diċembru bejn it-8:30am u s-1:00pm il-Mobile Blood Donation Unit ser ikun quddiem il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq.
Il-karta tal-identità hi meħtieġa!
Iktar informazzjoni dwar l-għoti tad-demm tista’ tinkiseb minn www.blood.gov.mt
Wieħed jista’ wkoll iċempel 79307307 jew Freephone 80074313