Is-sejħa urġenti għad-demm għadha tippersisti u hemm bżonn li titla’ kemm jista’ jkun malajr. Dan hu fl-interess ta’ kulħadd, iktar u aktar fid-dawl li l-Festi tal-Milied huma daqshekk qrib.
Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm kompla jisħaq fuq id-dixxipplina personali fejn jidħol ix-xorb u s-sewqan, b’hekk jiġu evitati l-inċidenti li faċilment iħarbtu riżerva ta’ demm li mhux dejjem faċli li tinżamm fil-livell mixtieq.
Apparti hekk is-Servizz fakkar li bħalissa fl-isparijiet ta’ Malta u Għawdex hawn mijiet ta’ pazjenti li qed jiġu operati, jew li qed jirċievu trattament għall-kanċer u jintħieġu s-sapport bit-trasfużjonijiet tad-demm.
Għaldaqstant il-pubbliku hu mitlub biex jikkopera u juri simpatija ma’ dawn in-nies billi jersaq u jagħti d-demm, possibbilment illum stess, b’hekk jagħmel il-ħajja ta’ dawn il-pazjenti xi ftit aktar faċli, fi żmien meta dawn ma tantx huma f’pożizzjoni li jgawdu l-Festi.
L-għoti tad-demm jista’ jsir fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum mit-8:00 sas-18:00.
Huwa importanti li wieħed jieħu l-karta tal-identità, il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.