Fid-dawl li r-riserva tad-demm tat-tip O positive tbaxxiet ħafna f’dawn l-aħħar jiem, partikolarment fl-aħħar sigħat, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed jappella għad-donazzjonijiet tad-demm tat-tip O positive kemm jista’ jkun malajr, possibbilment illum stess.
Spjegaw kif id-donazzjonijiet tad-demm għadhom isiru fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa li llum ser ikun miftuħ sas-18:00 ta’ filgħaxija. Min ma jlaħħaqx jiġi llum, hu mitlub li jmur għada jew nhar il-Ħadd.
Importanti li wieħed jieħu l-karta tal-identità, jew liċenzja tas-sewqan, inkella passaport Malti u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.
Iktar informazzjoni dwar l-għoti tad-demm tista’ tinkiseb billi wieħed iżur is-sit: www.blood.gov.mt. Wieħed jista’ wkoll iċempel 79307307 jew 80074313.